Kunsilli Lokali Lokali

Minkejja nuqqas ta’ fondi, Stefan Buontempo jwaħħal fil-Kunsilli Lokali dwar żieda fiż-żibel fit-toroq

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo ma ddejjaq xejn iwaħħal fil-Kunsilli Lokali li qed jiffaċċjaw problema ta’ skart fit-toroq.

Fl-aħħar ġimgħat żdiedu l-ilmenti ta’ residenti ta’ numru ta’ lokalitajiet li qed jesperjenzaw problema ta’ żibel ma’ kullimkien minħabba nuqqas ta’ fondi lill-Kunsilli Lokali u nuqqas ta’ infurzar mill-awtoritajiet ċentrali.

“Xi Kunsilli Lokali qed jiġbru l-iskart kummerċjali, li ma jaqax taħt ir-‘remit’ tagħhom. Imbgħad tinħoloq problema finanzjarja għax jgħidu li m’għandhomx flus biex jiġbru dak l-iskart kollu” qal Stefan Buontempo f’kummenti lil NETnews.com.mt.

Iżda filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Buontempo waħħal fil-Kunsilli Lokali għall-problema taż-żibel fit-toroq, hu fatt magħruf li l-Kunsilli Lokali, inkluż dawk b’maġġoranza Laburista, mhux qed jingħataw biżżejjed fondi mill-Gvern Ċentrali.

Fl-aħħar jiem, NETnews.com.mt ippubblika ritratti ta’ żibel ma’ kullimkien fit-toroq ta’ Birkirkara u tas-Swieqi.

Ma’ NETnews.com.mt, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat kien spjega li n-nuqqas ta’ infurzar mill-Pulizija (u allura mill-awtoritajiet ċentrali) biex ma jinħarġux boroż suwed f’ġranet fejn jinġabar skart organiku biss, qed iwassal għal żieda ta’ skart fit-toroq li jdum ħafna biex jinġabar.