Għawdex Lokali

Petizzjoni f’San Lawrenz għal triq li ilha mhux kompluta għal tliet snin sħaħ

Diversi persuni jinsabu ddiżappuntati għall-fatt li t-triq prinċipali li twassal lejn il-lokalità ta’ San Lawrenz f’Għawdex tħalliet nofs leħja. Tant hu hekk li fl-aħħar jiem, inbdiet tinġabar petizzjoni biex issir pressjoni fuq il-Gvern ħalli din it-triq titlesta kemm jista’ jkun malajr.

Il-każ jinvolvi Triq San Lawrenz, li hi triq iffrekwentata ħafna fis-Sajf minħabba li tintuża’ biex tasal lejn iċ-ċentru tal-lokal u anke lejn id-Dwejra.

F’din it-triq, li hi twila 400 metru, hemm b’kollox 45 tappiera, li qed ikunu ta’ periklu kbir għas-sewwieqa. Fuq kollox, il-fatt li tħalliet f’dan l-istat għal tliet snin sħaħ hu fih innifsu ġerħa estetika f’rotta daqsant popolari mal-Maltin u t-turisti, li fis-Sajf iżuru l-gżira.

F’kumment lil NETnews, is-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa qal li din is-sitwazzjoni qed twassal għal frustrazzjoni kbira fost l-Għawdxin, partikolarment ir-residenti tal-lokal.

Dan l-istat tat-triq qed iwassal biex anke fix-Xitwa jinħolqu problemi kbar għar-residenti, l-aktar għax l-ilma tax-xita ma jkunx jista’ jinżel fl-ispralli li tpoġġew mal-ġenb tat-triq. Għaldaqstant, qed jirriżulta għargħar u inkonvenjent kbir.

Il-petizzjoni titlob lill-Ministeru mmexxi minn Anton Refalo biex it-triq titlesta mill-aktar fis possibbli. Dwar din it-triq saru wkoll serje ta’ Mistoqsijiet Parlamentari mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.