Sport Waterpolo

San Ġiljan punt taħt Neptunes

F’partita nieqsa mill-emozzjonijiet, San Ġiljan Salini Resort komplew iżommu l-pressjoni fuq il-liders Neptunes meta għelbu lil Sliema Betsson 11-5 biex issa jinsabu punt bogħod mill-quċċata b’logħbiet indaqs, qabel il-konfront ta’ bejniethom it-tlieta li ġej. Għal San Ġiljan irritorna Peter Borg.

Minn naħa ta’ Sliema wirja oħra diżappuntanti fejn it-tim deher biss fil-logħba fl-ewwel sessjoni meta qasmu l-logħob mal-avversarji. Iżda t-tim qed jilgħab mingħajr motivazzjoni u dan qed jirriżulta f’wirjiet fqar fejn għalihom kien hemm neqsin Jerome Gabarretta u Nicholas Bugelli.

Kienu Sliema li marru minn fuq darbtejn minn Alex Attard u Mark Meli, b’Fava jġib id-draw momentarju. Iżda penalty ta’ Vapenski u gowl ta’ Matthew Zammit dawru l-iskor favur il-Ġiljaniżi. It-tieni sessjoni kienet aktar kalma biż-żewġ timijiet jiskurjaw gowl kull wieħed biex id-distakk sal-mistrieħ baqa’ ta’ żewġ gowls.

Iżda wara l-mistrieħ, San Ġiljan ħadu r-riedni tal-partita u b’gowls minn Cousin, Vapenski u lob ta’ Andreas Galea fetħu vantaġġ komdu ta’ 8-3 biex assiguraw mir-rebħa. B’vantaġġ komdu, San Ġiljan setgħu jamministraw aħjar b’Sliema demoralizzati. Lob ieħor ta’ Plumpton kabbar id-distakk, iżda gowls minn Fenech u Cuk għamlu l-iskor aktar rispettabbli sakemm Borg u Matthew Zammit għamlu l-iskor finali 11-5.