Internazzjonali

Is-Sirja: L-ISIS użaw it-‘tarki umani’ huma u jaħarbu minn Manbij

Sensiela ta’ ritratti li nġibdu mill-ajru jindikaw li l-militanti tal-ISIS qed jużaw liċ-ċivili bħala tarki umani, huma u jaħarbu mill-belt ta’ Manbij, fit-Tramuntana tas-Sirja.

Il-Qawwiet Demokratiċi Sirjani qalu li r-ritratti, li fost oħrajn juru konvoj ta’ mijiet ta’ vetturi, inġbidu ftit sigħat ilu. Qed jingħad ukoll li l-alleanza anti-ISIS magħmula minn ġellieda Kurdi u Għarab (u li għandha l-appoġġ tal-Istati Uniti) ma attakkatx il-konvoj ħalli timminimizza t-telfa potenzjali ta’ ħajja innoċenti, ‘kif ukoll għaliex kien hemm iċ-ċivili f’kull vettura tal-ISIS’.

Jaħsbu li l-ġellieda tal-ISIS, issa telqu lejn il-fruntiera mat-Turkija, lejn it-Tramuntana.

Dan meta l-ġellieda tal-Qawwiet Demokratiċi Sirjani ħadu kontroll sħiħ ta’ Manbij wara offensiva ta’ għaxar ġimgħat li saret bl-appoġġ tal-ajruplani militari tal-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana. Fl-istess offensiva ħadu sehem ukoll elementi tal-qawwiet speċjali.

Ir-rapporti qalu li malli l-ISIS raw li t-telfa ta’ Manbij kienet imminenti, madwar 150 sa 200 terrorista ġabru lil qrabathom, sostenituri u numru ta’ ċivili bħala ostaġġi. Iċ-ċivili, imbagħad, ittellgħu fuq il-vetturi mat-terroristi, bil-konvoj jitlaq lejn iz-zoni Sirjani tat-Tramuntana, waqt li segwit mill-ġellieda anti-ISIS u l-qawwiet tal-koalizzjoni.

Waqt li kienet għaddejja l-offensiva fuq Manbij, il-Qawwiet Demokratiċi Sirjani offrew lill-ISIS biex jieħdu ‘rotta ta’ sigurtà’ ’il barra mill-belt, bl-iskop ewlieni li jevitaw il-vittmi fost il-popolazzjoni ċivili. Intant, l-ISIS irrifjutaw l-offerta, ‘fejn baqgħu jipperikolaw ħajjet iċ-ċivili, bl-iskop li jużaw il-qtil potenzjali tagħhom (waqt xi azzjoni militari) bħala propaganda’.