Mozzjoni li kienet tressqet mill-Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala Charlot Cassar biex titwaqqa’ l-lukanda Jerma ħalliet il-frott.
Kien f’Lulju li għadda meta l-Kunsillier Lokali Charlo Cassar ressaq mozzjoni quddiem il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala biex isir appell lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar azzjoni biex titwaqqa’ l-binja tal-Jerma.
Fl-aħħar jiem, inħareġ avviż ta’ infurzar mill-Awtorità fuq is-sit tal-Jerma Palace. Inħareġ ukoll avviż ta’ infurzar fuq is-sit tal-Mistra Village Holiday Complex fix-Xemxija.
Il-mozzjoni fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala kienet issekondata mill-Viċi-Sindku Desireè Attard u kienet approvata b’mod unanimu u sussegwentament intbgħatet e-mail lill-Awtorità tal-Ippjanar bl-iskop li tkun tista’ tittieħed azzjoni.
Ma’ NETnews.com.mt, il-Kunsillier Lokali Charlot Cassar esprima sodisfazzjoni għall-fatt li ttieħdet azzjoni wara appell mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.
“Il-messaġġ hu wieħed u ċar: meta l-poplu jingħaqad wara messaġġ wieħed, ir-riżultati joħorġu” sostna Charlot Cassar ma’ dan is-sit.
Ma’ dan is-sit, il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista qal li jittama li l-avviż ta’ infurzar ikun segwit. Żied li wara li taqa’ din il-binja, ma jkunx hemm sorpriżi. Dwar il-mod ta’ kif tista’ tkun żviluppata l-art ‘il quddiem, Charlot Cassar sostna li kwalunkwè proposta għandha tkun “fil-parametri ta’ dak li toffri l-liġi waqt li tirrispetta il-qasam soċjali u l-mod ta’ għixien f’Marsaskala”.
Il-lukanda Jerma Palace ilha snin twal magħluqa u fi stat ta’ abbandun totali. Sal-2007, il-lukanda Jerma kienet l-unika lukanda b’erba’ stilel fin-Nofsinhar ta’ Malta.
NETnews.com.mt kien ippubblika ritratti li jindikaw b’mod okkupazzjoni illegali f’ċertu partijiet minn dan is-sit, b’persuni li kienu kkapparraw kmamar li jagħmlu parti minn dan il-kumpless ta’ bini abbandunat.
Peress li s-sit jinsab fi stat ta’ telqa totali, l-aċċess għal-lukanda hu għal kulħadd u wieħed jista’ jidħol bl-aktar mod faċli, minkejja l-perikli kollha preżenti. Saru wkoll diversi rapporti dwar użu ħażin tal-binja, fosthom bl-abbuż tad-droga.
//= $special ?>