Lokali

Id-Daily Express tgħid li Malta se tissieħeb f’alleanza ta’ pajjiżi Mediterranji fl-Unjoni Ewropea

F’żewġ rapporti fi spazju ta’ ftit jiem, il-gazzetta popolari Ingliża Daily Express spekulat li l-grupp ta’ pajjiżi Mediterranji fl-Unjoni Ewropea u li huma wkoll fiz-zona ewro se jiffurmaw alleanza bejniethom biex jeħduha kontra dik li ssejjaħ dominanza Ġermaniża fuq il-Bank Ċentrali Ewropew u l-politika tiegħu. L-artikli jgħidu li Malta se tissieħeb f’din l-alleanza.

L-inizjattiva jidher li qed tittieħed minn Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja. Iżda l-gazzetta ssostni li warajha hemm ukoll il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi.

Skont id-Daily Express, il-pajjizi li se jiffurmaw din l-‘alleanza’ minbarra Malta huma l-Greċja, l-Italja, Franza, Spanja, il-Portugall u Cipru… pajjiżi li fl-aħħar snin kellhom problemi finanzjarji u ekonomicċ kbar. Għal din ir-raguni, mhux magħruf għaliex Malta lesta li tissieheb ma’ din l-alleanza, peress li fil-krizi ekonomika, Malta baqghet iżżomm finanzi fis-sod. L-artiklu fid-Daily Express jgħid ukoll li dawn il-pajjiżi mistennija jiltaqgħu f’Ateni f’Settembru li ġej.

Ir-rapport jispjega li din l-alleanza se jkollha l-ghan li tieqaf kontra d-diktat tal-Ġermanja u l-pajjiżi l-oħra sinjuri tal-Ewropa ta’ Fuq li ghandhom influwenza fuq il-politika tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-aktar fejn tidħol id-dixxiplina finanzjarja u ekonomika b’miżuri ta’ awsterità u b’kontrolli stretti fuq id-deficits tal-pajjiżi – kontrolli apposta biex il-finanzi tal-pajjizi tal-Unjoni Ewropea jibqghu b’sahhithom.

Iż-żewġ rapporti tad-Daily Express huma miżgħudin bi kritika u attakki lejn l-Unjoni Ewropea, rapporti li jirriflettu wkoll il-pożizzjoni li ħadet din il-gazzetta prominenti Ingliża favur il-Brexit, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, osservaturi politiċi qalu li ma jifhmux kif Malta tista’ b’xi mod tkun parti f’‘alleanza’ bħal din li tinkludi numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u teskludi oħrajn, hekk kif pajjiżna jinsab biss kważi tliet xhur bogħod milli jkollu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE għall-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla.