Id-Danimarka bagħtet bastiment flimkien ma’ vapur ieħor għall-appoġġ u 200 membru tal-istaff bħala parti minn inizjattiva internazzjonali biex l-armi kimiċi jitneħħew mil-Libja u jittieħdu lil hinn mill-pajjiż Għarbi. Il-leġiżlatura ta’ Folketing, f’Kopenhagen, iddeċidiet ilbieraħ, li tagħmel dan il-kontribut sinjifikanti lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) li hi appoġġjata min-Nazzjonijiet Uniti.
Filwaqt li d-Danimarka qed tmexxi din l-inizjattiva, mistenni li jissieħbu magħha wkoll pajjiżi oħra, fosthom il-Finlandja u l-Ġermanja. Skont il-Ministeru Daniż għall-Affarijiet Barranin, il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali, f’Lulju ressaq talba formali għall-għajnuna internazzjonali bl-iskop li titneħħa l-ħażna tal-armi kimiċi mil-Libja.
Id-Direttur-Ġenerali tal-OPCW Ahmet Uzumcu qal li l-vot mil-leġiżlatura Daniża ‘jgħin biex il-Libja tilqa’ l-impenji taħt il-Konvenzjoni għall-Armi Kimiċi (li tirrikjedi l-qerda tal-armi’. Dan waqt li l-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Kristian Jensen, esprima sodisfazzjon dwar ir-rwol ta’ pajjiżu ‘biex l-armi ma jaqgħux fl-idejn il-ħżiena’.
Id-Daniżi jgħinu fit-tneħħija tal-armi kimiċi mil-Libja
