Minkejja ftaħir li se jlesti l-proġett f’sena u nfos
Minkejja li l-Gvern għadu ma laħaq l-ebda ftehim mal-privat dwar il-bini ta’ pixxina professjonali f’Għawdex, il-Gvern diġa qed jiftaħar li l-pixxina se tkun mibnija f’sena u nofs.
Fl-aħħar jiem, il-President tal-Gozo Sports Board Elvin Grech qal, f’intervista mal-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali, li jekk kollox jimxi skont il-pjan, sa sena u nofs oħra l-proġett ikun wasal fil-fażi finali tiegħu.
Iżda NETnews.com.mt jista’ jikkonferma li f’dan l-istadju, l-anqas għad hemm qbil mal-privat. Għall-proġett ta’ pixxina professjonali bħala parti mill-kumpless sportiv tar-Rabat il-Gvern kien ħareġ sejħa għall-interess iżda kellha tiġi estiża peress li ma kien applika ħadd. Wara l-estensjoni tas-sejħa għall-interess, kien hemm applikant wieħed.
Madanakollu, minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jirriżulta li l-Gvern għadu għaddej bid-diskussjonijiet mal-applikant minħabba nuqqas ta’ qbil dwar numru ta’ kwistjonijiet, fosthom it-tul ta’ żmien li l-pixxina se ddum f’idejn il-privat. Jidher li filwaqt li l-applikant irid jieħu f’idejh il-pixxina għal 65 sena, il-Gvern irid perjodu iqsar, ta’ 25 sena.
Minkejja dan in-nuqqas ta’ qbil, u li effettivament jista’ jwassal biex ma jintlaħaq l-ebda ftehim il-Gvern u l-privat, Elvin Grech mill-Gozo Sports Board, ta impressjoni bil-kontra, bħallikieku l-bini tal-pixxina mistenni jibda u jitlesta f’sena u nofs.
Il-Gozo Sports Board kien twaqqaf mill-Ministeru ta’ Għawdex u ftit wara t-twaqqif tiegħu, il-Ministru Anton Refalo ħatar lil Elvin Grech bħala Kap Eżekuttiv. Grech kien inħatar minkejja li f’Marzu tal-2013 instab ħati mill-Qorti wara falsifikazzjoni ta’ dokumenti – sentenza li kienet ikkonfermata fl-Appell. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kien jaf bil-każ kriminali ta’ Elvin Grech iżda ħatru xorta waħda bħala Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board b’paga ta’ madwar €23,000 fis-sena.
Fl-intervista tiegħu mal-aħbarijiet ta’ Television Malta, Elvin Grech wera disinji, li minn informazzjoni li għandu dan is-sit, m’humiex disinji oriġinali – iżda disinji li kienu tħejjew fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti meta kienu bdew isiru tħejjijiet għall-bini ta’ din il-pixxina professjonali.
Intant, dan NETnews.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Anton Refalo li baqgħu mhux imwieġba. Fost oħrajn, staqsejna jekk jikkonfermax li l-proġett se jkun lest fi żmien sena u nofs, min hu l-kuntrattur li ntgħażel biex jagħmel dan ix-xogħol, meta ġie ffirmat il-kuntratt mal-privat u x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Dan is-sit baqa’ mingħajr risposta għal kull mistoqsija li staqsa.
//= $special ?>