Lokali

Il-Partit Nazzjonalista ma jaċċettax ġudizzju mogħti minn persuni bħal Ronnie Pellegrini

Ronnie Pellegrini, li jemmen u jinstiga fid-diskriminazzjoni, għadda mill-kliem għall-fatti meta fir-rapport li nħareġ mill-Bord tal-Governanza Lokali dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fil-leġiżlatura li għaddiet, nbidlet il-verità ta’ taħt fuq proprju biex issir diskriminazzjoni kontra min ma jaqbilx miegħu politikament. Wieħed mill-membri tal-Bord tal-Governanza maħtur mill-Gvern Laburista huwa Ronnie Pellegrini, persuna magħrufa ma’ kulħadd għall-partiġġjaniżmu favur il-Partit Laburista.

Ftit tal-jiem ilu, Ronnie Pellegrini – li hu wkoll Chief of Staff tal-Ministru tal-‘Ugwaljanza’ kif ukoll l-id il-leminija tal-eks Ministru Laburista Lorry Sant u llum parti mill-klikka ta’ Muscat – iddikjara li hu favur id-diskriminazzjoni politika, u mhux talli jemmen fiha hu nnifsu, iżda talli nstiga li d-diskriminazzjoni għandha tkun fuq kull livell.

Issa, bl-aġir tiegħu, Ronnie Pellegrini qed juri kemm jemmen fid-diskriminazzjoni meta fir-rwol tiegħu bħala membru tal-Bord tal-Governanza Lokali, dawwar il-fatti kompletament biex jaqdi lis-Sindku Laburista Joanne Debono Grech billi jikkundanna lill-eks Sindku ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami għall-ħidma li wettaq fil-kunsill

Fl-istqarrija, l-Partit Nazzjonalista saħaq li la jemmen u lanqas għandu fiduċja f’dak kollu li jgħid il-Bord tal-Governanza Lokali li jinkludi fih lil Ronnie Pellegrini, li bl-aktar mod apert, jinstiga u jipromwovi d-diskriminazzjoni politika.

Affarijiet mhux minnhom, nofs veritajiet u akkużi foloz – Michael Fenech Adami

Fi stqarrija l-eks Sindku ta’ Birkirkara, Michael Fenech Adami, saħaq li rapport li ħareġ dwaru il-bord tal-Governanza Lokali kif maħtur mill-Gvern Laburista, hu rapport mimili affarijiet mhux minnhom, nofs veritajiet, u wkoll akkużi foloz.

Dan ir-rapport, dwar il-ħidma ta’ Michael Fenech Adami,  sar wara talba li saret mis-Sindku preżenti eletta f’isem il-Partit Laburista, Joanne Debono Grech.

Michael Fenech Adami qal li dan ir-rapport juri biċ-ċar li l-Bord tal-Governanza wasal għall-konklużjonijiet tiegħu fuq bażi politika u mhux fuq il-fatti li kellu quddiemu.

Fiż-żewġ seduti li waqthom ta’ x-xhieda quddiem l-istess Bord tal-Governanza Lokali, ġie spjegat u ingħatat verżjoni dettaljata tal-fatti kif ġraw. Fix-xhieda ta’ Michael Fenech Adami ġie ppreżentat u saret referenza għal għadd kbir ta’ dokumenti uffiċjali li jikkonfermaw il-fatti. Michael Fenech Adami saħaq li tant kemm ma sar xejn irregolari li r-reazzjoni tal-membri tal-Bord għax-xhieda tiegħi kienet waħda li l-investigazzjoni in kwistjoni hija kollha ħela ta’ ħin u bla ebda bażi. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li min talab l-investigazzjoni, s-Sindku preżenti Joanne Debono Grech qablet u għalhekk ivvutat favur kull deċiżjoni li ttieħdet minn Michael Fenech Adami bħala Sindku.

Michael Fenech Adami saħaq li dan ir-rapport hu biss vendikazzjoni tal-Gvern Laburista u tas-Sindku preżenti Joanne Debono Grech li fid-dawl tal-falliment tagħha fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, qed tiprova titfa’ dawl ikrah fuq il-ħidma li wettaq b’risq Birkirkara u l-Karkariżi.

Michael Fenech Adami temm jgħid li l-Karkariżi jixirqilhom ferm aħjar mit-tmexxija tal-Kunsill Lokali tal-lum. Hu tenna l-impenn tiegħu li minkejja l-intoppi li ħaddieħor qed jiprova jagħmel, se jibqa’ jaħdem għall-ġid tar-residenti kollha ta’ Birkirkara.