Lokali

Isibu l-ikla mħallsa minn raġel “qalbu tajba”

“Grazzi minn qiegħ qalbi” – kliem żagħżugħ li, permezz tal-grupp ‘The Salott’ fuq Facebook, irringrazzja raġel li ħallas l-ikla tal-familja tiegħu f’ristorant wara li dan sema’ bl-esperjenzi diffiċli tagħha.

Ir-raġel, Malti-Kanadiż li jinsab Malta fuq btala, inzerta kien fl-istess ristorant bħall-familja ta’ dan iż-żagħżugħ. Takkumpanja l-familja kien hemm oħt iż-żagħżugħ, tfajla bid-‘downs syndrome’ u li hi kompletament dipendenti fuq il-familja tagħha.

Fuq Facebook, iż-żagħżugħ irrakkonta kif ir-raġel kellu konversazzjoni mal-familja, li matulha fehem kemm hu diffiċli li familja tieħu ħsieb tfal b’diżabilità – speċjalment tfal li jkunu kompletament dipendenti kompletament fuq il-membri l-oħra tal-familja.

“Wara l-ikla, il-ġenituri tiegħi talbu l-kont, iżda ndunaw li kollox kien imħallas diġa!” irrakkonta ż-żagħżugħ. Mhux talli hekk, talli r-raġel – li telaq mir-ristorant qabel il-familja – ħallas aktar minn kemm suppost, f’każ li l-familja tordna aktar ikel u xorb.

“Għalkemm aktarx dan ir-raġel qatt m’hu se jaqra dan il-messaġġ, nixtieq naqsam din l-imħabba u ngħid lil kulħadd dwar din l-esperjenza,” kiteb iż-żagħżugħ, “biex nuri kemm l-imħabba tista’ tagħmel differenza”.

Din l-esperjenza qanqlet il-kummenti ta’ ħafna, li fuq il-media soċjali faħħru l-ġest tar-raġel. Oħrajn segwew u rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom.