Tal-anqas 50 persuna nqatlu f’attakk suwiċida waqt tieġ tal-Kurdi li kien qed jiġi ċċelebrat fil-belt ta’ Gaziantep. Dan filwaqt li ndarbu ‘il fuq minn 100 persuna, bl-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw il-każ imdemmi li xxokkja lill-pajjiż.
Ftit wara l-attakk, li kien deskritt mill-awtoritajiet bħala wieħed terroristiku, il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qal li d-dmija twettqet minn tfajjel li kellu bejn 12 u 14 il-sena. Erdogan qal ukoll li l-aggressur kien membru tal-ISIS u li ‘dan il-grupp terroristiku kien wara l-attakk f’Gaziantep, li tinsab viċin il-fruntiera mas-Sirja.
L-isplużjoni suwiċida seħħet meta numru kbir ta’ mistiedna fit-tieġ kienu qed jiżfnu fit-triq. Iċ-ċifra tal-mejtin kienet mistennija titla’, aktar ma jgħaddi żmien, minħabba l-ammont sostanzjali ta’ midruba gravi.
L-isplużjoni seħħet f’parti mill-belt li hi popolari mal-istudenti u li għandha komunità kbira ta’ Kurdi. Fil-fatt, skont rapporti fil-media, it-tieġ kien ta’ wieħed mill-membri ta’ partit favur il-Kurdi, bl-isem il-Partit Demokratiku tal-Poplu (Kurd), jew HDP.
Ir-residenti ta’ Gaziantep (fejn jgħixu madwar 1.5 miljun resident) ilhom żmien jgħixu taħt tensjoni minħabba l-avvenimenti vjolenti fis-Sirja, fejn l-ISIS qed jikkumbattu lill-qawwiet Kurdi Sirjani. Hemm ukoll indikazzjonijet li l-attakk waqt ir-riċeviment tat-tieġ seħħ bħala tpattija mill-ISIS lill-qawwiet Kurdi li qegħdin jirreżistuhom fis-Sirja.
Sadanittant, magħruf li l-ISIS għandhom numru ta’ elementi bbażati fl-inħawi ta’ Gaziantep u meta t-terroristi qed jitilfu l-kontroll ta’ territorji, fis-Sirja, fosthom l-eksfortizza ta’ Manbij.
Min-naħa tiegħu, il-President Erdogan qal li t-Turkija mill-ġdid qed twassal messaġġ li kulmin jattakka l-interessi tat-Torok mhux se jirnexxi fl-iskop qattiel.
Fl-istess ħin, il-Gvern tat-Turkija impenja ruħu biex il-pajjiż jaddotta rwol aktar attiv fl-isforzi tiegħu biex tintemm il-gwerra fis-Sirja.
//= $special ?>