L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin mill-ġdid fl-aħbarijiet internazzjonali. Din id-darba kien imiss il-ġurnal Taljan La Stampa bit-titlu – Il-Fabbriki taċ-ċittadinanza fl-Ewropa, il-business tax-xiri tal-passaporti – li jagħti ħarsi lejn l-iskema Maltija u dik ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
Il-ġurnal jiffoka fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fejn jgħid li ċertu pajjiżi, fosthom Malta, jekk turi borża flus flok ta’ fuqek senduqek, il-ħitan jaqgħu, il-fruntieri jinfetħu u l-pulizija toħroġlok it-tapit l-aħmar.
Dwar Malta, il-ġurnal Taljan jgħid li pajjiżna xamm il-business fl-2013 meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern. Minkejja li ma kien hemm xejn fil-programm elettorali, f’daqqa waħda, il-PM Joseph Muscat iħabbar l-iskema tal-passaporti. Dan ftit ġimgħat wara li l-istess Gvern Malti kien qed jibgħat lura refuġjati li bilkemm kienu jifilħu fuq saqajhom li kieku ma twaqqafx mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Skont esperti fil-liġi Ewropea, m’hemm l-ebda direttiva li tirregola l-ħruġ tal-passaporti. Li jfisser li filwaqt li kull Stat Membru jista’ jagħmel li jrid dwar il-passaport u ċ-ċittadinanza tiegħu, dan ikollu effett fuq il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam mal-moviment ħieles tal-persuni.
L-istess esperti jargumentaw li bħalma sar ftehim fil-moviment tal-immigranti minn pajjiż għall-ieħor, l-istess jista’ jsir fil-konfront ta’ min jixtri d-dħul tiegħu fl-UE.
F’dawn l-aħħar jiem, l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti feġġet mill-ġdid fl-aħbarijiet hekk kif mill-ġdid tqajjem tħassib dwar is-sigurta’ u immigrazzjoni u li jista’ jintuża minn persuni li qed jaħarbu minn sanzjonijiet ekonomiċi, b’mod partikolari l-applikanti Russi.
//= $special ?>