Min moħħu biex jiffanga, min għandu kumpaniji sigrieti fil-Panama ma jistax iħaddem politika li fiha l-ġid jilħaq lil kulħadd.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista, li m’hu fil-but ta’ ħadd, qed joffri politika li tilħaq lil kulħadd u mhux il-ftit.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervent telefoniku fuq Radio 101
Simon Busuttil qal li hu dmir ta’ kull min hu fil-politika li terġa’ tissawwar il-fiduċja fil-politika u fil-politiċi wara li l-Gvern Laburista qed jimplimenta politika għall-ftit li jiffangaw u jqanqal ir-rabja fost il-ħafna li baqgħu lura.
Il-Kap tal-PN semma numru ta’ eżempji li juru l-iffangar tal-ftit. Fost dawn l-iskandlu tal-Panama Papers li juri d-differenza bejn min jiftaħ kumpaniji sigrieti biex ipoġġu flus tas-senserija u l-pensjonanti li jipprovaw iwasslu sal-aħħar tax-xahar.
Eżempju ieħor tal-politika għall-ftit hu l-iskandlu tal-visas mediċi fejn il-ġurnal The Malta Independent on Sunday illum żvela li minn Kastilja, Neville Gafa’ daħħal €150,000 fix-xahar f’tixħim għall-visas mediċi mill-Libja – li jfisser li Gafa daħħal bejn €2 u €3 miljun f’sena. Simon Busuttil kompla li agħar minn hekk, il-Prim Ministru jibqa’ sieket u ma jieħu ebda azzjoni. Dan minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni qajjem din il-kwistjoni xejn inqas minn sena ilu waqt laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurta’ Nazzjonali.
Eżempju ieħor tal-politika għall-ftit li jiffangaw li semma l-Kap tal-PN hu r-rovina ambjentali fiż-Żonqor, it-Torrijiet fl-Imrieħel u f’tas-Sliema u l-iżvilupp propost f’Wied Inċita. Jidher ukoll fiċ-ċar, kompla Simon Busuttil, li l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu kif suppost, b’mod indipendenti fl-interess tan-nies.
Simon Busuttil qal li biex inessi dan kollu, Muscat diġa qed iħabbar min issa li fil-Baġit li ġej se jroxx. B’mod partikolari, Muscat se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma kif ukoll il-petrol u d-diesel. Simon Busuttil qal li wara xhur sħaħ tal-poplu jinsteraq, dan hu biss il-frak għaliex kemm l-elettriku kif ukoll u il-fuel missu ilu li raħas sentejn
Simon Busuttil temm jghid li l-Partit Nazzjonalista jrid juri li hu kapaċi jqassam il-ġid b’mod ġust, għaliex hu m’hu fil-but ta’ ħadd.
//= $special ?>