Internazzjonali

Ġellieda tal-ISIS ġustizzjati fl-Iraq

L-awtoritajiet fl-Iraq taw il-forka lil 36 raġel li kienu kkundannati dwar il-qtil ta’ xi 1,700 rekluti għal mal-militar Iraqi li kien seħħ, fl-2014, ġo eks-bażi tal-Istati Uniti.

Il-massakru fil-Kamp ta’ Speicher, viċin il-belt ta’ Tikrit, kien twettaq minn ġellieda tal-ISIS fi żmien meta t-terroristi kienu qed javvanzaw u jaħtfu l-kontroll ta’ territorji lejn it-Tramuntana tal-Iraq.

Ir-rabja għall-massakru, fejn il-vittmi kienu, fil-parti kbira, kadetti Musulmani Xiti, għen għall-mobilizzazzjon tal-milizzji Xiti fl-Iraq għall-ġlieda qalila attwali kontra l-ISIS.
L-ISIS, fl-2014, kienu ħarġu ritratti u filmati li ddokumentaw il-massakru, bl-oqbra tal-massa tal-vittmi jinstabu proprju sena wara. L-oqbra tal-mijiet tar-rekluti massakrati kienu żvelati wara li qawwiet tal-Gvern Iraqi ħatfu lura l-kontroll ta’ zona partikulari li kienet damet ix-xhur amministrata mill-ISIS.

Intant, l-esekuzzjonijiet tas-sostenituri tal-ISIS saru fil-ħabs ta’ Nasiriyah, fil-provinċja ta’ Dhiqar, u għalihom kien hemm preżenti l-Ministru tal-Ġustizzja Iraqi, Haidar al-Zamili.