Is-sajf huwa dak iż-żmien sabiħ li ħafna nies ikunu qegħdin jistennew għal xi raġuni jew oħra. It-tfal u ż-żgħażagħ ikunu ilhom jistennewh ftit xhur mhux ħażin biex ikunu jistgħu jgawdu l-vaganzi. Il-ġenituri wkoll ikunu qegħdin jistennew dan iż-żmien hekk sabiħ biex igawdu ftit lil uliedhom ‘il bogħod minn dak l-istress tal-eżamijiet u t-tensjoni li jġibu magħhom. Għad-dilettanti tal-festi, dan iż-żmien ikun l-għaxqa tagħhom għax fih jiċċelebraw il-festi li jkunu l-qofol tax-xogħol tagħhom ta’ sena sħiħa.
Is-sajf huwa dak iż-żmien meta n-nies li huma involuti fil-politika jistrieħu ftit u jqattgħu dawn il-ftit ġimgħat igawdu dawk l-iljieli sħan sajfin. F’dan iż-żmien donnu kulħadd jieħu vaganza biex jgħix ftit iktar u jassigura li s-snin ma jkunux qegħdin igerbu mingħajr ma nkunu għexna xi ftit.
Waqt dawn ix-xhur sajfin kważi kull raħal jiċċelebra l-festa tar-raħal tiegħu u bħala persuna pubblika u bħala individwu li l-għaxqa tiegħi hi li nkun imdawwar min-nies, jien ukoll nieħu gost nattendi diversi festi f’pajjiżna.
Ftit tal-ġimgħat ilu kienet iċċelebrata l-festa fl-Imsida u kif nagħmel kull sena, attendejt għall-festa tul il-ġimgħa kollha. Ġurnata fost l-oħrajn kont qiegħed nammira t-talent u d-delizzju tal-ġostra fix-xatt tal-Imsida u f’ħin minnhom sellmitli waħda anzjana min-naħa l-oħra tal-pjazza. Kif nagħmel normalment, jien sellimtilha lura u komplejt nieħu gost insegwi l-ġostra.
L-għada filgħaxija waqt li kont miexi quddiem il-Knisja ta’ San Ġużepp, imżejna u mixgħula fil-glorja kollha tagħha, iltqajt ma’ din l-istess mara. Din id-darba staqsietni jekk jimpurtax li tgħidli żewġ kelmiet u ovvjament għedtilha li tista’ tgħidli dak li tħoss.
Din is-sinjura qaltli li għalkem jien forsi ma nafhiex, hi tħoss li tafni. Qaltli li tħoss li tafni għax kienet tarani ngħin fil-quddiesa meta kont abbati, fakkritni eżatt fejn toqgħod u qaltli li ġieli mort mal-qassis fid-dar tagħha waqt it-tberik tad-djar.
Ħadt gost nitkellem magħha u ċertament se nibqa’ niftakar dak li qaltli. Qaltli, “Jien lilek nafek li int ġej minn familja modesta fl-Imsida. Nitolbok biex ma tinbidilx u tibda taħseb għal rasek ladarba aħna ntellgħuk fil-Parlament biex tirrappreżentana.” Dak il-ħin tbissimt, ħadtilha b’idejha u rringrazzjajtha filwaqt li wegħidtha li se nżomm kliemha dejjem f’moħħi.
Filgħaxija, meta mort id-dar, qgħadt naħseb ftit fuq kliemha. Ħassejtni kuntent li din il-mara taħseb daqshekk fit-tajjeb dwari, iżda min-naħa l-oħra ħassejt sens ta’ responsabbiltà kbir. Il-perċezzjoni hemm barra hija li dawk kollha li jidħlu fil-politika qegħdin jidħlu bi skop biex ikunu jistgħu jaħsbu għal rashom. Din hija xi ħaġa li lili personalment tweġġagħni. Tweġġagħni għax il-ftit ħammġu isem il-ħafna. Allura llum il-ġurnata huwa d-dmir tagħna l-politiċi żgħażagħ li naħdmu b’iktar imħabba u rispett lejn in-nies biex nassiguraw li l-politika titnaddaf.
Hija din ir-raġuni prinċipali li għaliha jien inħossni kburi li jien kandidat tal-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Jien konvint li ladarba Simon Busuttil ikun il-Prim Ministru ta’ pajjiżna, Malta se tieħu nifs ġdid nadif li bih pajjiżna se jkun jista’ jiġi ispirat biex iħares ‘il quddiem u nkomplu nikbru bħala pajjiż kburi.
//= $special ?>