Żdiedet il-pressjoni għall-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, li issa qed jiffaċċja kritika qawwija mingħand is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan.
Fil-fatt, Khan qed iħeġġeġ lill-votanti Laburisti biex iwarrbu lil Corbyn minn mexxej u minflok, jivvutaw għal Owen Smith bħala kap ġdid tal-partit.
Sadiq Khan, permezz ta’ artiklu fil-gazzetta The Observer, qal li Corbyn falla totalment milli jwassal il-messaġġ tiegħu lill-elettorat qabel ir-referendum ta’ Ġunju, fir-Renju Unit, fejn il-maġġoranza tal-Britanniċi vvutaw biex ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea.
Is-Sindku ta’ Londra kompla li l-Laburisti Britanniċi m’għandhomx għalfejn jistennew xi ħaġa differenti minn Corbyn waqt elezzjoni ġenerali u, filwaqt li spjega l-appoġġ tiegħu għal Owen Smith bħala Kap Laburista potenzjali, sostna li ‘kien hemm qbil bejniethom’ dwar l-issues importanti għar-Renju Unit.
Mill-banda l-oħra, is-Sindku ta’ Londra tenna li Corbyn diġà wera li mhux kapaċi jorganizza entità ta’ tmexxija effettiva fuq bażi nazzjonali u li l-Kap Laburista attwali, fuq kollox, naqas milli jirbaħ il-fiduċja u r-rispett tal-Britanniċi.
//= $special ?>