Internazzjonali

Il-President tal-Filippini jhedded li jħalli n-NU

Rodrigo Duterte

Il-President tal-Filippini Rodrigo Duterte hedded li ‘jissepara’ min-Nazzjonijiet Uniti wara li l-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi kkritikat il-gwerra li hu qed imexxi f’pajjiżu kontra d-droga bħala reat stabbilit taħt il-kriterji tal-liġi internazzjonali.

Duterte qal li hu, ‘il quddiem, jista’ jitlob liċ-Ċina u pajjiżi oħra tal-Afrika biex, flimkien, jiffurmaw grupp ieħor ta’ pajjiżi.

Dan waqt li hu akkuża lin-Nazzjonijiet Uniti li falliet fl-impenji tagħha biex trażżan it-terroriżmu u l-ġuh u biex twaqqaf numru ta’ konflitti madwar id-dinja.

Il-President Duterte, li kien elett f’Mejju, issanzjona l-qtil tat-traffikanti fil-Filippini bħala mezz biex jeqred il-kummerċ bid-droga.

Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti kemm il-darba kkundannat l-inizjattiva ta’ Duterte bħala abbuż tad-drittijiet umani u wara li, fil-Filippini, inqatlu l-mijiet tat-traffikanti tad-droga mindu Duterte kien elett President, fl-ewwel jiem ta’ Mejju.

Żewġ esperti tan-NU dwar id-drittijiet umani qalu li d-direttiva ta’ Duterte biex il-pulizija u l-pubbliku fil-Filippini joqtlu suspettati traffikanti tad-droga ‘jammonta għal inċitament għall-vjolenza u omiċidju, li hu reat taħt il-liġi internazzjonali’.

Min-naħa tiegħu, Duterte, waqt diskors kontra n-NU, ikkuntesta bl-aħrax il-kliem tal-esperti u sostna li ‘huma għandhom, l-ewwel, iqisu l-ħajja mitlufa tal-innoċenti b’konsegwenza tad-droga’.

Il-President Filippin kompla li n-NU ma kenitx kapaċi tikkumbatti t-terroriżmu, minbarra li ma rażżnitx il-qtil ta’ ċivili f’pajjiżi bħall-Iraq u s-Sirja.