Ir-Re tal-Marokk, Mohammed VI, sejjaħ biex il-Marokkini li jgħixu barra – ħafna minnhom fl-Ewropa – jiddefendu forma tolleranti tal-Islam waqt li jiċħdu għall-estremiżmu.
Id-diskors tar-Re kien l-ewwel wieħed dirett lil xi ħames miljun Marokkin fid-diaspora mindu seħħew l-aħħar attakki terroristiċi minn militanti Iżlamiċi fl-Ewropa. Dan ukoll meta ċittadini Ewropej ta’ oriġini Marokkina kienu implikati f’numru ta’ attakki.
Filwaqt li kkundanna l-qtil ta’ nies innoċenti, ir-Re tal-Marokk aċċenna b’mod speċifiku għall-qtil brutali ta’ qassis fi Franza. Fil-każ partikulari ta’ ġimgħat ilu, żewġ sostenituri tal-ISIS kienu ħanxru għonq il-qassis, Jacques Hamel, li kien qed jiċċelebra l-quddies fi knisja f’subborg ta’ Rouen.
Ir-Re Mohammed saħaq li ‘il-qtil tal-qassis fil-Knisja hu pprojbit mir-reliġjon minbarra li hu l-frott ta’ ġenn li ma jinħafirx’. Hu, fl-istess ħin, ikkundanna ‘ir-reat faħxi fejn bniedem reliġjuż kellu jitlef ħajtu f’dan il-mod, u minkejja li l-vittma ma kienx Musulman’.
Tnejn mill-militanti tal-ISIS li nqatlu wara l-attakki terroristiċi ta’ Novembru fiċ-ċentru ta’ Pariġi kienu Belġjani ta’ oriġini Marokkina, b’wieħed minnhom ikun il-kap tat-terroristi imkwistjoni.
Sadanittant, it-tliet militanti tal-ISIS li wettqu l-isplużjonijiet ta’ Marzu fil-qalba ta’ Brussell, fil-Belġju, ukoll kellhom oriġini Marokkina.
//= $special ?>