Lokali

Jitħassru kummenti li jikkritikaw spots pubbliċitarji tal-Gvern

Kummenti li jikkritikaw l-ispots pubbliċitarji tal-Gvern Laburista qed jitneħħew fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan joħroġ f’artiklu fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta Il-Mument.

Dawn l-ispots saru biex il-Gvern Laburista jikkonvinċi lin-nies li l-Awtorita’ tal-Artijiet hija tajba u ta’ min jinkoraġġiha, tant li ħareġ bl-idea li ssir kontrokampanja minnu stess mħassla minn fondi pubbliċi. Din ir-riforma ħadem fuqha b’mod ewlieni il-Konsulent tal-Prim Ministru Robert Musumeci.

Fost dawk li aċċettaw li jieħdu sehem f’din il-kampanja kien hemm in-Nutar Masini Vento, il-Perit David Mifsud Parker u l-eks-Ministru Nazzjonalista Michael Falzon.

Dawn il-kummenti negattivi tneħħew biex baqgħu jidhru biss dawk pożittivi. Persuni li tkelmmu ma’ Il-Mument saħqu li wħud mill-kummenti kienu ta’ Laburisti li ma humiex jemmnu dak li qed jingħad minn Robert Musumeci u sħabu tal-‘Moviment’ dwar ir-riforma fil-qasam tal-artijiet.

Anke kumment ta’ ħaddiem tad-Dipartiment tal-Artijiet tħassar wara li f’dan il-kumment kien hemm miktub ċar u tond li l-ħaddiema tal-Gvern ma ġewx ikkonsultati.

Dan il-kumment intgħoġob anke minn ħaddiema preżenti u eks-ħaddiema mill-ogħla sal-inqas grad ta’ dan id-Dipartiment. Iżda wara ftit ħin, dan il-kumment tħassar.

Ħaddiema li tkelmmu ma’ Il-Mument saħqu li qed iħossuhom insultentati u umiljati li l-Perit Mifsud Parker qed jagħti l-impressjoni li huma ma jaħdmux u mhumiex effiċjenti.

Sorsi fil-Partit Laburista saħqu li qed jinterpretaw il-messaġġ tal-Perit Mifsud Parker bħala attakk fuq l-operat taċ-ċivil f’tentattiv biex ikun oskurat ix-xogħol li sar mis-Segretarji Parlamentari preċedenti – Michael Farrugia u Michael Falzon.