Lokali

Kien qed idaħħal €150,000 fix-xahar mill-iskandlu tal-visas mediċi – The Malta Independent

L-iskandlu tal-visas mediċi lil-Libjani jkompli jikber hekk kif il-gazzetta The Malta Independent kwotat sorsi li qalu li Neville Gafà kien qed idaħħal mal-€150,000 fix-xahar mill-iskandlu tal-visas mediċi biex b’kollox daħħal bejn €2 u €4 miljuni

Dan hu ferm aktar mill-figura ta’ €38,000 li kien qed jingħad s’issa li daħħal minn dan l-iskandlu.

Oriġinarjament, l-iskandlu kien żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta, meta kien sar magħruf li Neville Gafà daħħal ftit inqas minn €38,000 b’mod abbużiv meta nħarġu visas mediċi għal Libjani li applikaw biex jiġu Malta għal raġunijiet mediċi.

Iżda issa, The Malta Independent on Sunday qed tgħid li Gafà, filfatt, daħħal €150,000 fix-xahar – biex b’kollox, daħħal fil-but bejn €2 u €4 miljuni.

Iżda The Malta Independent tiżvela aktar – u tgħid li fl-iskandlu, xi kultant, l-anqas biss kienu jkunu Libjani li jingħataw il-visas mediċi, jew inkella, kienu jkunu kriminali li jingħataw il-visa medika minflok dawk li verament kellhom bżonn jiġu Malta għat-trattament mediku.

Neville Gafà jiftaħar kemm hu persuna viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u ta’ ċertu Ministru, fosthom Konrad Mizzi.

Wara r-rebħa elettorali Laburista tal-2013, Neville Gafà kien ingħata kariga mal-Gvern fuq il-bażi ta’ persuna ta’ fiduċja, u meta Godfrey Farrugia twarrab minn Ministru tas-Saħħa u floku tpoġġa Konrad Mizzi, Gafà ntbgħat jaħdem fil-Ministeru tas-Saħħa.

Gafaà kien okkuppa l-kariga ta’ Segretarju fil-Kumitat Laburista ta’ San Pawl il-Baħar u hu wkoll membru fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.