Internazzjonali

L-Istati Uniti: Iwaqqfu l-esekuzzjoni ta’ raġel ikkundannat għal serqa fatali

Qorti fl-Istat Amerikan ta’ Texas waqqfet l-esekuzzjoni ta’ raġel ikkundannat għall-mewt b’konnessjoni ma’ serqa li kienet seħħet fl-1996, u li rriżultat f’konsegwenzi fatali.

Intant, l-ikkundannat, li jismu Jeffery Wood, ma kienx ‘il-persuna li sparat l-arma’ fil-każ partikulari u l-Qorti għall-Appelli Kriminali, issa, iddeċidiet biex tipposponi l-esekuzzjoni tiegħu. Dan meta Wood, li għandu 43 sena, kellu jingħata l-injezzjoni letali proprju nhar l-Erbgħa li ġej.

Il-każ qanqal attenzjoni kbira dwar ‘l-element ta’ ħtija’ fl-inċident tal-1996 fejn ħaddiem f’ħanut ġarrab tiri fatali waqt is-serqa. Hemm ukoll element ta’ dubju dwar il-kompetenza mentali ta’ Wood, minbarra kritika għall-proċess tal-qorti oriġinali tal-imputat.

Issa, il-Qorti għall-Appell Kriminali qed jibgħat il-każ lura lil qorti oħra li għandha tirrevedi x-xhieda tad-difiża. Dan meta r-rappreżentanti legali għal Wood qed jgħidu li s-sentenza tal-mewt, f’dan il-każ, ibbażat fuq ix-xhieda falza u provi xjentifiċi li mhux ta’ min wieħed jorbot fuqhom.

Ix-xhieda u l-provi ppreżentati kienu jibbażaw fuq il-kliem ta’ psikjatra, li maż-żmien spiċċa diskreditat, u li kien tenna li ‘Wood, fil-futur, għandu jimponi theddida għall-pubbliku li kieku qatt kellu jingħata l-libertà’. Sadanittant, l-avukati ta’ Wood, issa, qed jgħidu li l-qorti ‘għamlet sewwa’ li waqqfet l-esekuzzjoni.

Jeffery Wood u l-ħabib tiegħu, Daniel Reneau, kienu spiċċaw ikkundannati dwar l-isparatura qattiela li seħħet waqt is-serqa tal-1996, f’Texas Hill Country. Dan meta Wood kien baqa’ jistenna lil sieħbu fil-karozza waqt li Reneau fetaħ in-nar fuq membru tal-istaff fl-istabbiliment fejn saret is-serqa.

Reneau kien ingħata l-piena massima fl-2002 waqt li Wood spiċċa kkundannat għall-mewt taħt liġi, f’Texas, li tiddikjara persuna involuta f’każ ta’ omiċidju kapitali bħala ‘ħati daqs il-qattiel fiċ-ċirkustanzi partikulari’.