Lokali

Mart il-Prim Ministru ‘Deputy Chief of Staff tal-Gvern Malti’

Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru Joseph Muscat tokkupa l-kariga ta’ Deputy Chief of Staff fil-Gvern Malti.

Din l-aħbar toħroġ mir-Rapport tal-Konferenza tal-Commonwealth dwar il-Gvern Lokali li saret fil-Botswana f’Ġunju tas-sena li għaddiet u li kienet żvelat mill-gazzetta il-Mument. Għal din il-konferenza kienu mistiedna uħud mill-Kapijiet ta’ Stat membri fi ħdan il-Commonwealth.

Il-Mument tkompli li taħt it-taqsima ‘Parteċipanti’, ir-Rapport jagħti l-lista ta’ ismijiet tad-delegazzjoni Maltija li attendiet għal din il-Konferenza li kienet tinkludi lil Michelle Muscat, Deputy Chief of Staff, Government of Malta; segwit minn Joseph Muscat, Prim Ministru.

Jiġifieri Michelle Muscat akkumpanjat lill-Prim Ministru mhux bħala martu iżda taħt kariga uffiċċjali li sa issa, ħadd ma kien jaf biha.

Skont l-organigramma tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jirriżulta li ċ-Chief of Staff hu Keith Schembri filwaqt li l-kariga ta’ Deputy Chief of Staff hi okkupata mill-kunsillier Laburista Alex Muscat.

L-istess f’kull ministeru ieħor fi ħdan iċ-Ċivil fejn hemm Chief of Staff u Deputy Chief of Staff. Imkien f’din il-lista ma jidher isem Michelle Muscat.

Fi tmiem ix-xahar li għadda fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qiegħed iwieġeb għal Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Agius, qal li tul din il-leġiżatura u waħidha, Michelle Muscat kienet siefret fuq xogħol tal-Gvern għal xejn inqas minn disa’ darbiet.

Bejn Marzu tal-2013 u Lulju tal-2016 Michelle Muscat, waħidha, kienet żaret il-Belġju, ir-Renju Unit, l-Italja, l-Awstrija, Ċipru u l-Istati Uniti.

Il-Mument tkompli tirrapporta li lil hinn minn dawn is-safriet waħidha,Michelle Muscat tul din il-leġiżlatura ħatfet l-opportunità li ssiefer ukoll għal għadd ta’ drabi flimkien ma’ żewġha l-Prim Ministru Joseph Muscat li tinkludi appuntu, il-Konferenza tal-Commonwealth li saret fil-Botswana fl-2015 fejn id-designation tagħha ngħad li hu “Deputy Chief of Staff, Government of Malta”.

Safra oħra partikolari kienet dik għal vaganza f’Dubaj f’Marzu li għadda meta appena waslet lura minnha indirizzat konferenza tal-aħbarijiet bħala ċ-Chairperson tal-Marigold Foundation wara li kien żvelat li numru ta’ priġunieri nisa kienu għadhom ma tħallsux eluf ta’ ewro dovuti lilhom għal xogħol li għamlu lil Mary Grace Pisani, ħabiba personali kbira ta’ Michelle Muscat, b’rabta maċ-CHOGM