Lokali

In-nutar li kien arrestat u umiljat: l-Oppożizzjoni titlob investigazzjoni

L-Oppożizzjoni qed titlob investigazzjoni dwar il-każ tan-Nutar Anthony Hili. Hili, uffiċjal fid-Dipartiment tal-Artijiet kien arrestat f’April li għadda u mgħoddi minn umiljazzjoni kbira b’rabta ma’ stħarriġ li l-Pulizija bdiet b’rabta mal-iskandlu ta’ Strada Zekka.

F’rapport mill-ġurnalist Joe Mikallef, il-gazzetta il-Mument irrappurtat li jirriżulta li filwaqt li l-Pulizija ġiegħelu lil Anthony Hili biex jinża’ għal aktar minn darba, lil persuni oħrajn investigati, ma ġagħluhomx jinżgħu. Skont il-Kummissarju tal-Pulizija, in-Nutar tneżża f’isem il-proċeduri stabbiliti.

Il-Mument tgħid li dan jista’ jista’ jkun peress li fid-Depot damu biss ftit tal-ħin, filwaqt li n-Nutar Anthony Hili dam mal-46 siegħa arrestat mingħajr iċ-ċans li jitkellem mal-mara tiegħu jew ma’ xi membru ieħor tal-familja.

Dwar dan il-każ, Il-Mument ippubblikat kummenti tax-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami li saħaq li l-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga bis-serjetà l-allegazzjonijiet li qed isiru.

Żied li hu inkwetanti ħafna li għandna sitwazzjoni tat-tħassib fejn il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija jibqgħu siekta quddiem allegazzjonijiet serji ta’ abbuż fil-konfront ta’ persuna serja li innoċentament inqabdet fl-iskandlu ta’ trasferiment ta’ artijiet li jiswew il-miljuni tal-ewro.