Lokali

Propost li jitwaqqfu terz tar-rotot lejn l-Ewropa

Skont il-business plan tal-Alitalia, l-Air Malta twaqqaf madwar terz tar-rotot tagħha fl-Ewropa u tiffoka fuq rotot lejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.

Żvelat dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta li kkwotat sorsi li huma nvoluti fin-negozjati bejn il-Gvern u l-linja tal-ajru Taljana.

Il-pjan jikkonferma wkoll dak li kien qal iċ-Chairman tal-Alitalia Luca di Montezemolo li ddikkjara li l-Alitalia mhux se tinvesti ebda kapital fl-Air Malta.

Il-pjan li jkopri l-erba’ snin li ġejjin sal-2020, jinvolvi bidla mill-qiegħ fir-rotot, miżuri aggressivi ta’ cost-cutting li jinkludi diversi sensji u ħidma ffukata fuq rotot lejn in-Nofsinhar.

Skont The Sunday Times, il-business plan isejjaħ għall-waqfien ta’ diversi rotot lejn destinazzjonijiet Ewropej li ma jġibux qliegħ u li qed isiru biss għal skopijiet turistiċi. Min-naħa l-oħra, tiżdied il-frekwenza f’rotot li jrendu bħal dawk ta’ Londra, Ruma u Brussell.

Minflok id-destinazzjonijiet Ewropej, l-Alitalia qed tipproponi titjiriet lejn Tripli, Casablanca, Larnaca, u Jeddah fl-Għarabja Sawdija. L-intenzjoni tal-Alitalia hi l-Air Malta tikkumplimenta l-iskeda ta’ titjiriet long-haul tagħha stess u tal-linja tal-ajru Etihad fir-reġjun. Madanakollu, it-titjiriet proposti jistgħu jimlew vojt fl-industrija iżda madanakollu, dawn id-destinazzjonijiet m’għandhom x’jaqsmu xejn mas-suq turistiku Malti.

Skont dan il-pjan, il-Gvern Malti se jieħu fuqu id-djun u piżijiet oħra li għandha l-Air Malta li huma stmati li jlaħħqu €66 miljun, kif ukoll dawk il-ħaddiema fost l,200 impjegati li huma meqjusa bħala żejda li se jiġu trasferiti għas-settur pubbliku.

Dipartimenti sħaħ bħalma huma d-dipartiment tal-inġinerija u tal-ground handling, se jinqatgħu minn mal-istruttura tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Bħalissa għaddejjin numru ta’ laqgħat bejn il-Gvern u għaqdiet tal-ħaddiema. Ftit tal-jiem ilu, intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti. Min-naħa l-oħra, il-Union tal-Cabin Crew ordnat azzjonijiet industrijali wara li l-Gvern irrifjuta milli jagħti garanziji dwar l-impjiegi tal-Cabin Crew.