Il-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli joffri serħan il-moħħ lill-ħaddiema tal-Air Malta li l-impjieg tagħhom mhux se jintmess.
Meta kien qed jitkellem il-Ħadd filgħodu f’intervent fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Muscat irrefera għas-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru u qal li “fadal ħafna xogħol xi jsir”.
Fl-aħħar jiem bdew azzjonijiet industrijali mill-Union tal-Cabin Crew, li ordnat lill-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta biex jaħdmu fuq bażi ‘work-to-rule’.
Iżda minkejja dan, meta kien qed jitkellem fuq One Radio, il-Prim Ministru qal li l-Gvern “(irreġistra) progress f’adk li għandu x’jaqsam mal-Air Malta”.
Minkejja li fl-aħħar jiem kien hemm passi ‘l quddiem fit-taħdidiet mal-Union tal-Piloti tal-Air Malta, jidher li l-Gvern falla fit-taħdidiet mal-Uniont tal-Cabin Crew, tant rappreżentanti tal-Union tal-Cabin Crew ħarġu ‘l barra mil-laqgħat.
Dwar it-taħdidiet mal-membri tal-ekwipaġġ, il-Prim Ministru qal li jittama li tinstab soluzzjoni tajba.
Madanakollu, fl-ebda ħin matul l-intervent tiegħu, ma offra ċertezza lill-ħaddiema li l-futur tal-impjieg tagħhom se jibqa’ assigurat.
Fl-aħħar ġimgħat żdiedet l-inċertezza għall-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif il-Gvern qed jitħadded mal-Alitalia bl-iskop li din tixtri parti sostanzjali mil-linja nazzjonali tal-ajru Maltija.
Xi ġimgħat ilu, lil NETnews.com.mt, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis kien qal li “ovvja” li “m’hemmx ċertezza” għall-ħaddiema tal-Air Malta. Minkejja dan, fuq One Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar lil Zammit Lewis u qal li jinsab “fiduċjuż” fih.
“Fiduċjuż li l-Ministru tat-Turiżmu u t-tim tal-Air Malta qed iħarsu ‘l quddiem biex nieħdu d-deċiżjonijiet li għandna nieħdu” saħaq Muscat mingħajr ma assigura li mhux se jitkeċċew ħaddiema tal-Air Malta fil-proċess ta’ ristrutturar.
//= $special ?>