Lokali

Sitwazzjoni ta’ konflitt ta’ interess għall-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul

Tagħmel prattika privata bl-approvazzjoni tal-Ministeru iżda bil-Ksura tal-Kodiċi tal-Etika

Residenti f’San Vinċenz de Paul kif ukoll ħaddiema saħqu li qed jibżgħu jitkellmu dwar l-abbużi u t-trattamenti xejn dinjitużi li jingħataw f’ San Vinċenz de Paul. Dan ħareġ illum fil-ġurnal ‘Il-Mument’.

Dan wara li persuni li tkelmu ma ‘il-Mument’ saħqu li qed jinħoloq kunflitt ta’ interess mit-tabiba Josianne Cutajar. Dan għaliex li wara li ngħatat il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul, u ġie apporvat lil Cutajar pakkett finanzjarju li jġorr salarju ta’ kważi €69,000 fis-sena, Cutajar xorta tħalliet tkompli tmexxi l-klinika privata tagħha u tipprattika bħala tabiba fil-privat.

Jirriżulta li Mark Musù, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, kien ta l-approvazzjoni tiegħu biex il-Kap Eżekuttiv tkompli tagħmel xogħol privat ta’ tabiba u tmexxi l-klinika privata tagħha.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li dan kien ifisser li nħolqot sitwazzjoni ta’ konflitt ta’ interess li hi projbita mill-Kodiċi tal-Etika tal-Amministrazzjoni Pubblika. Dan għaliex il-Kap Eżekuttiv għandha suffiċjentement interess privat jew personali li jikkonfliġġi jew jidher li jikkonfliġġi mal-eżerċizzju oġġettiv tad-dmirijiet uffiċjali tagħha.

Is-sorsi komplew li pazjenti privati tagħha qed jkunu vantaġġjati fuq pazjenti oħrajn fejn għandu x’jaqsam servizz li jingħata mill-istituzzjoni governattiva li tmexxi.

Paula Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister dwar il-Politika Soċjali, esprimiet it-tħassib dwar dak kollu li qiegħed jiġri fir-residenza tal-anzjani San Vinċenz de Paul u n-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jaġixxi b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet serji li saru reċentement.

Hi kompliet li l-Oppożizzjoni talbet li ssir investigazzjoni serja bl-iskop li jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa f’każ li dawn l-istess allegazzjonijiet jirriżultaw veri.

F’dawn l-aħħar jiem kien ukoll żvelat kif il-Kap Eżekuttiv tat struzzjonijiet biex ikunu riżervati numru ta’ sodod għall-anzjani tal-għażla tagħha. Fil-fatt, kienet twaħħlet nota man-notice board ta’ din ir-residenza u fuqha kien hemm miktub:“2 beds in Room 8 – reserved for CEO”.