L-Universitajiet barranin li jiġu jiftħu Malta mhux qed jiġu hawn biex jagħtu edukazzjoni lil studenti Maltin, iżda qegħdin hawn biss għall-business. Sostna dan, ir-Rettur il-ġdid tal-Università, il-Professur Alfred Vella, waqt intervista fil-programm “Follow-Up” fuq Radio 101.
Fl-ewwel intervista tiegħu fuq Radio 101, ir-Rettur tkellem dwar l-ambizzjonijiet li għandu fit-tmexxija tal-Università, fejn fost l-oħrajn stqarr it-tama tiegħu li l-istudenti Universitarji jkomplu jiżdiedu għal 20,000 sa ħames snin oħra. Din tibqa’ l-unika Università komprensiva f’pajjiżna, sostna Alfred Vella.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta ħabbar ukoll li se jkompli jisma’ dak li jridu l-istudenti. Qal li, fost l-oħrajn se jkun qed jitlob lill-istudenti biex, b’mod anonimu, jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom għall-mod kif qed isiru l-lectures, il-kotba li qed jintużaw, il-klassijiet u affarijiet oħrajn relatati.
Hu qal li jixtieq li dan il-feedback jinġabar sa Diċembru biex ikun jista’ jaħdem fuq l-informazzjoni li tkun inġabret.
//= $special ?>