L-SDM nediet kampanja ġdida bl-isem ‘Be a Winner’ – kampanja bl-għan li tippromwovi l-kultura tal-isports fost l-istudenti.
Imdawwar minn numru ta’ studenti tas-sixth form u universitarji, il-President tal-SDM Ian Zahra ta dettalji dwar din il-kampanja waqt konferenza tal-aħbarijiet.
“Il-messaġġ ta’ din il-kampanja bl-isem ‘Be a Winner’ hu li meta wieħed jipprattika l-isports, ikun rebbieħ mhux biss għax jerbaħ xi medalja jew xi tazza, imma għax tkun attiv fiżikament,” spjega Ian Zahra ma’ netnew.com.mt . “Dan jawgura tajjeb għas-saħħa mentali tal-individwu,” żied jgħid.
Ian Zahra spjega li wieħed mill-għanijiet tal-kampanja ‘Be a Winner’ hu li jħeġġeġ lill-istudenti, partikolarment liż-żgħażagħ, biex jipprattikaw aktar sports, bil-għan li jimxu aktar ‘il quddiem fil-ħajja.
“Li nixtiequ nagħmlu f’din il-kampnja hu li nwasslu messaġġ lill-awtoritajiet li l-isports huwa xi ħaġa importanti u m’għandiex tkun aċċessorju imma għandha tieħu centre-stage,” saħaq il-President tal-SDM ma’ dan il-ġurnal.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-kampanja se tibda b’sondaġġ li se jsir fost iż-żagħżagħ f’Malta u Għawdex. Tkompli b’kampanja ta’ għarfien online u tintemm b’konferenza li għaliha jattendu l-policy-makers. L-għan aħħari tal-kampanja ‘Be a Winner’ hu li jinħoloq pjan konkret għal kultura sportiva akbar f’pajjiżna.
Il-konferenza tal-aħbarijiet mill-SDM kienet indirizzata wkoll mill-Viċi-President Gabriel Micallef u s-Segretarju Ġenerali Neil Smart Costantino.
//= $special ?>