Sfortunatament, tilef ħajtu l-anzjan ta’ 77 sena li fl-10 ta’ Awwissu li għadda kien f’residenza fejn sploda ċilindru tal-gass.
Il-każ seħħ fi Triq it-Troll fl-Imqabba u fl-istess residenza kien hemm preżenti wkoll anzjana ta’ 71 sena. Iż-żewġ anzjani joqgħodu fir-residenza fejn seħħ il-każ.
Dakinhar tal-każ, l-anzjan ta’ 77 sena kien iċċertifikat li kien f’qagħda kritika. Madankollu, dalgħodu l-Pulizija ħabbret fi stqarrija li, sfortunatament, l-anzjan tilef ħajtu.
Min-naħa l-oħra, l-anzjana kienet iċċertifikata li sofriet minn feriti ħfief.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ, filwaqt li l-Inkjesta Maġisterjali qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
//= $special ?>