Lokali

L-MHRA tappella lill-Gvern biex l-Air Malta ma titlifx rotot li jrendu għall-ekonomija Maltija

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) enfasizzat fi stqarrija d-dipendenza ta’ pajjiżna fuq il-konnettività li toffri l-Air Malta. Għalhekk, jekk ikun hemm telf fil-linja nazzjonali tal-ajru, dan jista’ jħalli effett negattiv fuq is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna.

Fl-istqarrija, permezz tal-President tal-Assoċjazzjoni Tony Zahra, l-MHRA qalet li t-tneħħija ta’ ċerti rotot tista’ tħalli impatt negattiv, tant li hu meqjus ta’ theddida għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.

L-istqarrija ħarġet l-għada li The Sunday Times of Malta żvelat li skont il-‘business plan’ tal-Alitalia, l-Air Malta jkollha twaqqaf madwar terz tar-rotot fl-Ewropa u tiffoka fuq rotot lejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.

L-MHRA qalet li filwaqt li hu tajjeb li l-Air Malta ssib swieq ġodda li fihom tista’ taħdem, dan m’għandux isir billi jitneħħew rotot li jħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Enfasizzat kif is-setturi turistiċi li jħallu mpatt pożittiv fuq l-ekonomija mhumiex dawk mill-Afrika ta’ Fuq, iżda s-swieq Ewropej.

L-Assoċjazzjoni qalet li se tkun qed tiltaqa’ mal-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u maċ-Chairperson tal-Air Malta biex magħhom jiddiskutu din il-kwistjoni.

Sadanittant, fi stqarrija permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu, il-Gvern ċaħad dak kollu rrappurtat ilbieraħ, jiġifieri li l-linja tal-ajru ser tkun ‘feeder airline’, li l-pjan li jkopri l-erba’ snin li ġejjin jinvolvi bidla mill-qiegħ fir-rotot, miżuri aggressivi ta’ ‘cost-cutting’, fosthom diversi sensji, u ħidma ffukata fuq rotot lejn in-nofsinhar.