Lokali

Minkejja ‘sail away ceremony’ 20 ġurnata ilu, it-tanker tal-gass għadu sorġut

Prime Minister Joseph Muscat at the sail away of ARMADA LNG MEDITERANIA at Keppel shipyard Singapore

Jidher li l-Gvern se jfalli fil-mira ta’ meta t-tanker tal-gass għandu jasal Malta

Għaddew 20 ġurnata minn meta l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi attendew is-‘sail away ceremony’ f’Singapore, ċeremonja li suppost kellha tinawgura l-vjaġġ tat-tanker tal-gass minn Singapore lejn Malta.
Iżda minkejja ċ-ċeremonja tant pompuża, sa’ issa, it-tanker għadu ma bediex ibaħħar lejn Malta għax filfatt, għadu sorġut f’wieħed mill-portijiet ta’ Singapore.

Kien il-ġurnal In-Nazzjon li l-ġimgħa li għaddiet innota li t-tanker ‘Armada LNG Mediterrana’ kien għadu sorġut fl-istess post fejn kien dakinhar tas-‘sail away ceremony’. Illum, il-ġurnal The Times innota wkoll li minkejja li għaddew aktar minn 20 ġurnata miċ-ċeremonja, it-tanker tal-gass għadu sorġut.

Is-‘sail away ceremony’ saret fl-1 ta’ Awwissu, u għaliha kien attenda Joseph Muscat, Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Matul iċ-ċeremonja, it-tanker tal-gass għadda uffiċjalment għand l-Electrogas. Skont stqarrija uffiċjali tal-Gvern lura fil-bidu ta’ Awwissu, it-tanker kien mistenni li jasal Malta f’Settembru. Iżda issa, kollox qed jindika li l-Gvern se jfalli anke f’din il-mira hekk kif hu ċar li t-tanker għadu sorġut f’Singapore.

Skont esperti fil-qasam tat-tbaħħir, tanker bħall-Armada LNG Mediterrana jdum madwar 30 ġurnata mill-mument li jsalpa sakemm jasal f’Marsaxlokk. Madanakollu, l-vjaġġ jista’ wkoll jieħu massimu ta’ 70 jum għall-wasla tiegħu, bir-raġuni tal-varjazzjoni tkun kemm id-direzzjoni li jieħu kif ukoll il-maltemp li jista’ jiltaqa’ miegħu matul il-vjaġġ/

Is-‘sail away ceremony’ kellha timmarka t-tmiem ta’ xhur sħaħ ta’ ħidma biex it-tanker tal-gass ikun konvertit għal ‘floating storage unit’, jiġifieri vapur li fih jista’ jinħażen il-gass. Madanakollu, mhux talli t-tanker tal-gass għadu sal-lum stess sorġut f’Singapore, iżda talli l-gazzetta Il-Mument żvelat li anke ladarba jasal f’Malta, se jkun fadal xi xogħlijiet xi jsiru fuq it-tanker.

It-tanker se jkun ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk għal 18-il sena sħaħ, apparti vapuri oħra li minn żmien għal żmien iridu jiġu biex jimlew it-tanker b’aktar provvisti ta’ gass.

Tanker Armada LNG Medterrana Port Singapore 190816