Silenzju assolut mill-Prim Ministru Joseph Muscat minkejja aħbarijiet li ġew żvelati mill-ġurnal The Malta Independent on Sunday dwar Neville Gafà, impjegat tal-Gvern u persuna ta’ fiduċja tal-Prim Ministru.
Il-Ħadd, The Malta Independent żvelat li, skont sorsi Libjani, Neville Gafà kien qed idaħħal mal-€150,000 fix-xahar mill-iskandlu tal-visas mediċi. B’kollox, skont dawn is-sorsi Libjani, Gafà daħħal fil-but bejn €2 miljuni u €3 miljun ewro.
24 siegħa wara li ġew żvelati dawn id-dettalji, spikka s-silenzju mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Wara l-elezzjoni ġenerali, Gafà ddaħħal jaħdem Kastilja fuq bażi ta’ persuna ta’ fiduċja, u wara, mar jaħdem fil-Ministeru tas-Saħħa ma’ Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien Ministru tas-Saħħa.
Fl-iskandlu tal-visas mediċi, Neville Gafà ħareġ numru kbir ta’ visas mediċi b’mod abbużiv. Skont The Malta Independent, xi drabi, il-visas inħarġu anke għal persuni li mhumiex Libjani, jew inkella li ma kellhomx bżonn veru għat-trattament mediku f’pajjiżna.
Apparti li hu viċin Joseph Muscat, Neville Gafà hu wkoll qrib il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, li t-tnejn inqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu is-senserija.
Minkejja dan l-iskandlu tal-visas mediċi, li oriġinarjament kien żvelat minn The Times, il-Gvern għadu ma ħax passi kontra Neville Gafà, tant li ma ġiex sospiż sakemm isiru l-investigazzjonijiet. Gafà hu wkoll membru fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista.
//= $special ?>