Lokali

TVM iwaqqaf il-programm “Madwarna”

“Jisgħobina nħabbru l-qtil tal-programm popolari u edukattiv ‘Madwarna’ u miegħu d-dritt tal-opinjoni ħielsa. Nisħet is-siegħa u l-mument li vvutajt lil dan il-Gvern Faxxist”.

Kienet din id-dikjarazzjoni ta’ Salvu Mallia, il-preżentatur popolari fuq l-Istazzjon Nazzjonali, hekk kif sar jaf li l-programm “Madwarna”, li kien popolari u issa ilu għaddej is-snin, m’għadux parti mill-iskeda tax-xitwa fuq TVM.

Fl-aħħar xhur, Salvu Mallia kien kritiku għall-Gvern u issa, fi kliemu, għax esprima opinjoni f’pajjiż fejn suppost kulħadd hu liberu jgħid li jrid, spiċċa tneħħa minn fuq l-Istazzjon Nazzjonali.

Għal din l-aħbar, kienu bosta dawk li fuq Facebook esprimew id-diżappunt tagħhom.

L-istess xorti misset ukoll lill-programm “Timestalk”, li kien produzzjoni tal-gurnalisti ta’ The Times. Dan il-programm ukoll mhux ħa jkun fl-iskeda ta’ TVM f’Ottubru li ġej.

Anke l-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ The Malta Independent kienet applikat biex ikollha programm televiżiv fuq l-Istazzjon Nazzjonali, iżda din it-talba ma ġietx milqugħa.