Għawdex Lokali

Żewġ għaddasa jitilgħu fuq l-art waħedhom minkejja rapporti li setgħu kienu f’diffikultà

Żewġ għaddasa, aktarx barranin, telgħu lura fuq l-art waħedhom minkejja rapporti li setgħu sabu xi diffikultà waqt li kienu qed jogħdsu.

Sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt ikkonfermaw li saru rapporti lill-Pulizija, lill-Forzi Armati ta’ Malta u anke lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. L-ewwel li waslu fil-post kienu membri tal-Protezzjoni Ċivili, li nzertaw kienu fil-viċin.

Iżda mal-wasla tagħhom, dawn sabu li l-għaddasa kienu diġà telgħu fuq l-art. Għaldaqsant, wara li kkonfermaw li l-għaddasa m’għandhom bżonn l-ebda għajnuna oħra, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili avżaw lis-servizzi l-oħra ta’ emerġenza li s-servizzi tagħhom ma kienux meħtieġa f’dan il-każ.

(Ritratt: mill-Arkivji)