Internazzjonali

Arrestati talli ppjanaw attakki fi Franza…It-turiżmu lejn Pariġi jieħu daqqa ta’ ħarta

epa05032629 Local police officers patrol near the Duomo in Milan, Italy, 19 November 2015. Security has been beefed up in Milan following the 13 November Paris attacks and an FBI security alert. Authorities in Italy had received information about five suspected terrorists who might have been planning attacks on famous Italian landmarks, news reports said. EPA/MOURAD BALTI TOUATI

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazeneuve, żvela, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li seba’ persuni b’rabtiet man-networks terroristiċi spiċċaw arrestati fi Franza, matul dan ix-xahar. Hu qal ukoll li talanqas tlieta mill-arrestati kienu qed jippjanaw l-attakki speċifiċi fl-artjiet Franċiżi.

Waqt il-konferenza, Cazeneuve saħaq li l-awtoritajiet Franċiżi, fl-ewwel sitt xhur tal-2016, irnexxielhom jarrestaw aktar persuni b’rabtiet mat-terroriżmu milli kienu arrestaw matul is-sena l-oħra. Madankollu, il-Ministru ma żvelax dettalji dwar l-arresti ta’ dan ix-xahar f’pajjiżu.

Sadanittant, statistika minn Franza uriet li l-aħħar attakki terroristiċi mill-militanti Iżlamiċi (fil-pajjiż), flimkien mal-azzjonijiet industrijali u l-inċidenzi ta’ għargħar kellhom jagħtu daqqa kbira ‘l isfel lit-turiżmu lejn Pariġi.

Skont l-istatistika, kienu rreġistrati miljun anqas turist bejn Jannar u Ġunju, meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ żmien matul l-2015. It-tnaqqis hu ekwivalenti għal 6.2 fil-mija waqt li hu kkalkulat li l-industrija tat-turiżmu għar-reġjun ta’ Pariġi tilfet madwar 750 miljun ewro f’introjtu.

L-uffiċjali qed ifissru dan it-telf ta’ flus bħala ‘diżastru industrijali’ peress li Franza tiddependi ħafna mit-turiżmu. Dan meta Pariġi is-soltu tilqa’ madwar 16 il-miljun turist fis-sena, waqt li hi magħrufa fost l-aktar destinazzjonijiet popolari fid-dinja.