BLOGS

Ejjew magħna Krakaw! …pajjiż San Ġwann Pawl II

Nhar it-Tnejn li ġej jiena flimkien ma’ grupp ta’ aktar minn 30 ruħ, se nibdew ġita interessanti fil-belt sabiħa ta’ Krakow il-Polonja. Ġita mimlija storja, arti, kultura u reliġjożità li fiha se nżuru diversi postijiet li jfakkruna fil-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, il-qaddis ta’ żmienna.

Se noqogħdu fil-lukanda ġdida ‘Legend’, lukanda li kienet inawgurata proprju fis-7 ta’ Lulju ta’ din is-sena u li tinsab fiċ-ċentru ta’ din il-belt tant popolari, xi tmien minuti ’l bogħod mill-pjazza prinċipali Market Square jew Old Town Square. Din il-lukanda hi mgħammra bl-arja kundizzjonata, bil-wi-fi, bir-radju u t-TV, kif ukoll bis-servizz tat-tè u tal-kafè f’kull kamra. Fiha nsibu wkoll bar, ristorant spazjuż kif ukoll żewġ swali tal-konferenzi u naturalment is-servizz tal-lifts.

Il-ġita tagħna tibda b’dawra mal-belt ta’ Krakow li kienet il-kapitali tal-Polonja u l-ewwel ħjiel ta’ storja fuq dan il-post insibuh miktub fis-sena 965. Nibdew bil-katidral u l-kastell fuq l-għolja ta’ Wawel. Il-ħames sekli ta’ wara, ir-Rejjiet kienu jiġu nkurunati u midfuna f’dan il-katidral li hu ddedikat lil San Stanislaus u San Wenceslaus.
L-aħħar difna li nsibu f’dan il-katidral huma proprju dak tal-President u l-mara tiegħu li mietu ftit tas-snin ilu meta kkraxxjaw bl-ajruplan waqt titjira lejn Moscow, fejn kienu se jattendu għal ċerimonja statali li tfakkar avveniment storiku li kien jinvolvi ż-żewġ pajjiżi, dak tal-Polonja u dak tar-Russja.

Mixja sabiħa li teħodna mill-għolja tal-kastell u l-katidral, il-Wawel Hill, u tibqa’ sejra sal-pjazza prinċipali fejn hemm it-Town Hall kif ukoll il-knisja famuża ta’ Santa Maria. Dawn jinsabu f’Old Town Square. Inżuru wkoll il-Ghetto tal-Lhud fejn għad hemm l-unika Sinagoga li għadha tiffunzjona sal-lum. Hawn naraw ukoll il-palazz arċiveskovili kif ukoll diversi binjiet tal-università ta’ Krakow, kif ukoll bini ieħor ta’ interess. Fis-sena 1978, il-UNESCO ddikjarat il-belt ta’ Krakova bħala Wirt Dinji. Hawn għexu Copernicus u l-Papa Ġwanni Pawlu II.
Attrazzjoni partikulari li kull viżitatur jiġi muri hi bla dubju l-Knisja ta’ Santa Maria li tinsab f’Old Town Square. Din il-knisja għandha żewġ kampnari li però mhumiex indaqs u lanqas jispiċċaw bl-istess disinn. Wieħed minn dawn il-kampnari hu kkunsidrat bħala tal-knisja, filwaqt li l-ieħor hu ddikjarat tal-istat u dan hu ftit ogħla mill-ieħor. Dan il-kampnar kien jintuża fil-passat bħala watch tower 24 siegħa kuljum, u minnu l-għassies kien jagħti l-allarm f’każ ta’ nirien jew f’każ ta’ avvanz tal-għadu. Dan l-allarm kien isir bid-daqq tal-trumbetta li tindaqq mit-twieqi tal-istess kampnar.

Il-leġġenda tgħid li darba minnhom, waqt li l-għassies kien qed idoqq l-allarm, membru tal-għadu spara vleġġa minn isfel u baqgħet dieħla ġo griżmejn it-trumpteer u waqa mejjet fil-kampnar. B’tifkira ta’ dan l-avveniment sfortunat, membri tal-fire brigade għadhom idoqqu t-trumbetta kull siegħa kemm bil-lejl kif ukoll binhar, xi ħaġa li mijiet ta’ turisti jkunu qed jistennew li jisimgħu bil-ħerqa kollha.
Filgħaxija mbagħad, inżuru fost ħafna affarijiet oħra, il-Galeria Krakowska Shopping Mall. Stabbiliment ta’ aktar minn 120 ħanut taħt saqaf wieħed. Apparti ħwienet tad-ditti rinomati, hemm ukoll numru ta’ take away ta’ varjazzjoni ta’ ikel bi prezzijiet verament aċċettabbli. Dan jinsab ftit metri biss bogħod mit-teatru tal-opra ta’ Krakow, li hu għaxqa arkitettonika fiċ-ċentru tal-belt.
Imbagħad jibdew l-eskursjonijiet barra minn Krakova u l-ewwel waħda teħodna f’Czestochowa, wieħed mill-akbar ċentri Marjani, li jżuruh madwar ħames miljun pellegrin fis-sena biex jaraw ix-xbiha għażiża tal-Madonna s-Sewda fis-Santwarju ta’ Jasna Gora.
Czestochowa kien post verament importanti għall-Papa Ġwanni Pawlu II u kien qagħad hemm sitt darbiet sakemm dam Papa. Hawn inżuru l-monasteru u l-knisja mibnija fuq stil barokk. Wara jkollna quddiesa f’kappella għalina f’dan is-Santwarju.
Eskursjoni oħra teħodna l-minjieri tal-melħ ‘Wieliczka, li huma meqjusa bħala l-aktar minjieri tal-melħ spettakulari fid-dinja. F’dawn il-minjieri nsibu diversi skulturi magħmula fil-melħ u kappelli żgħar. Dawn il-minjieri huma wkoll imniżżla fil-First World List of Cultural and Natural Heritage. F’dawn il-minjieri hemm kappella spazjuża li fiha apparti li tkun ċelebrata quddiesa kull nhar ta’ Ħadd, isiru anke tiġijiet.
Kull ma tara fil-kappella, statwi, artal, linef, gandlieri u nkwadri, kollox hu maħdum fil-melħ. L-aħħar statwa li nħadmet hi proprju dik tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Hemm ukoll għadira mimlija ilma u fiha tindaqq silta mużika klassika mill-isbaħ. Hawn taħt nieħdu r-ritratt tal-grupp. Hemm aktar minn 20 kilometru ta’ passaġġi taħt l-art, iżda t-turisti jistgħu jduru biss mhux aktar minn tliet kilometri.

Jum ieħor immorru nagħmlu żjara f’Zakopane u t-Tatra Mountains li huma magħrufin bħala l-Alpi tal-Polonja. Dawn il-muntanji jestendu bejn il-Polonja u s-Slovakkja. Ċentru turistiku mill-aqwa, b’toroq mimlija kafes, ħwienet, ristoranti, u stalls li jbiegħu kull tip ta’ prodott immaġinabbli. Hawn issib speċjalità ta’ ġobon f’forom differenti u b’togħmiet differenti.
F’Zakopane, inżuru knisja ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima, li nbniet min-nies Pollakki bħala rigal lill-Madonna talli salvat lill-Papa fl-isparatura li seħħet fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981 minn Mehmet Ali Agca. Hawn ikollna wkoll quddiesa. Naraw ukoll djar u bini tal-injam tipiċi tal-post. Inżuru mużew żgħir tal-arti fl-injam u nitilgħu bil-funikular fuq il-muntanja fejn kien iħobb imur jippassiġġa l-Papa.
Ma jonqosx li nagħmlu żjara wkoll fil-kamp tal-konċentrament f’Auchwitz u Birkenau, memorja qarsa ta’ żmien il-Holocaust fit-Tieni Gwerra Dinjija. Dan hu post storiku għall-miljuni ta’ Lhud u Pollakki. Hawn il-gwida ddawwarna maż-żewġ postijiet u tagħmel spjegazzjoni dettaljata ta’ dak kollu li ġara dakinhar.

Waħda mill-isbaħ eskursjonijiet hi dik f’ ‘Wadowice’, fejn inżuru d-dar fejn il-Papa Ġwanni Pawlu II għex sakemm kellu 18-il sena. Illum dan hu mużew multimedia u kompjuterizzat bl-aħħar teknoloġija moderna. Imbagħad inżuru wkoll il-knisja fejn tgħammed u għamel l-ewwel tqarbina Karol Wojtyla, fejn illum hemm kappella ddedikata għalih u fejn il-pittura tas-saqaf turi l-enċikliki kollha li hu kiteb matul il-Papat tiegħu.
Hawn nagħmlu wkoll quddiesa għall-grupp. Waranofsinhar inżuru santwarju meraviljuż ieħor bl-isem ta’ Kalwaria Zebrydowska, tal-Madonna tal-Anġli. Post ta’ devozzjoni importanti fil-Polonja.

L-aħħar eskursjoni teħodna wkoll fis-Santwarju tal-Ħniena Divina u l-Kunvent ta’ Suor Faustina. Hawn naraw il-bażilika maestuża li Ġwanni Pawlu II kien ikkonsagra fis-sena 2001 iddedikata lill-Ħniena Divina. Post ieħor ta’ devozzjoni kbira fejn eluf kbar jagħmlu waqfa matul il-ġita tagħhom fi Krakow. Anke hawn ikollna quddiesa f’waħda mill-kappelli sbieħ tal-Bażilika.

Ovvjament barra minn dan, il-grupp jagħmel anke xi żjarat oħra bħal pereżempju fiż-zoo, fil-Lake Vistula u diversi shopping archades u mużewijiet li jeżistu f’din il-belt meraviljuża.
Min jixtieq li jingħaqad magħna jista’ jagħmel dan billi jikkuntattja lill-Euro Tours immedjatament. Din hi ġita/pellegrinaġġ li tagħti mhux biss pjaċir u sodisfazzjon imma anke tgħallmek u tinfurmak dwar kultura differenti minn tagħna.