Id-dehra tat-tifel Sirjan, wiċċu mimli demm, li rnexxielu jeħlisha mill-mewt f’Aleppo daret u kexkxet id-dinja. Dan it-tifel iqis ruħu fortunat li sab min għenu u rnexxielu jsalva. Oħrajn bħalu ma messithomx l-istess xorti u nqatlu. Kuljum nisimgħu bi qtil ta’ nies innoċenti f’diversi nħawi tad-dinja. Tlifna l-kultura favur il-ħajja u flokha dieħla kultura favur il-mewt u l-qerda.
Fakkarna f’din ir-realtà l-Papa Franġisku waqt li kien qed jirritorna mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar ġimagħtjen ilu fil-Polonja meta qalilna li l-ħajja hi mhedda mhux biss mill-attakki terroristiċi u l-gwerer, imma wkoll b’modi anqas drammatiċi li hu jsejħilha l-kultura li tarmi n-nies. Dan il-ħsieb tal-Papa kien enfasizzat fil-Pastorali li l-Isqfijiet Maltin ħarġu fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija.
Il-kultura li tarmi n-nies hi kultura li tpoġġi l-flus qabel il-bniedem, toqtol it-trabi mhux imwielda, tittraskura u twarrab lill-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà, tivvaluta l-bniedem skont kemm kapaċi jikkonsma, tagħmel inġustizzja mal-fqar u tisfrutta l-ambjent biex jistagħnew il-ftit u jiftaqru l-ħafna.
Kampanja sfrenata
Sfortunatament din il-kultura daħlet ukoll f’pajjiżna. Qed naraw il-kilba teqred l-ambejnt ta’ pajjiżna biex jistagħnew il-ftit filwaqt li jnaqqsu mill-kwalità tal-ħajja tal-bqija.
Qed nassistu għal kampanja sfrenata favur il-morning after pill li biex ngħidu l-inqas hawn dubju jekk hix pillola abortiva jew le. U quddiem dan id-dubju hekk serju, flok nitfgħu l-miżien favur kreaturi vulnerabbli, bla vuċi li ma jistgħux jiddefendu ruħhom iżda li huma ħajja, ninsistu biex tiddaħħal din il-pillola li teqred jew tifga l-ħajja.
Qed nisimgħu diskors ieħor favur il-qirda tal-ħajja permezz tal-ewtanasja. Qalbi tingħafas ma’ min qed ibati. Iżda anke fil-mard il-ħajja jibqgħalha valur li m’għandux jintrema. It-tobba kollha, hu x’inhu t-twemmin tagħhom, ma jistgħu jkunu qatt favur il-mewt jew li japplikaw mezzi jew mediċini biex iqarrbu l-mewt ta’ xi pazjent tagħhom.
Is-soċjetà għandha d-dover li toffri l-aħjar kura biex jitħares id-dritt tal-ħajja. Kull persuna għandha tibqa’ tingħata kull kura possibbli sakemm il-proċess naturali tal-mewt, li jrid jilħaq lil kulħadd, jieħu l-kors tiegħu.
Kif fakkru fil-Pastorali tagħhom l-isqfijiet Maltin ftit jiem ilu, aħna għandna dmir li l-ħajja rridu nipproteġuha dejjem u f’kull stadju, u ntejbu l-kwalità tagħha.
Rigal
Il-ħajja umana hi rigal. Għal min jemmen, dan ir-rigal mogħti minn Alla u ebda bniedem, kemm jekk hi mara li tippretendi li għandha tkun libera li tmexxi ħajjitha kif tixtieq hi, kemm jekk hu bniedem li l-kundizzjoni ta’ saħħtu iddeterjorat, ma għandu d-dritt li jeqred il-ħajja la ta’ ħlejjaq innoċenti u anqas ta’ persuni li jistgħu jitqiesu bla valur jew saħansitra xkiel.
Ħadd anqas dawk li għandhom il-flus m’għandu dritt inaqqas il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem. Anzi lkoll kemm aħna, inkluż l-Istat għandna d-dmir u d-dover li naħdmu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, ta’ wliedna u ta’ dawk ta’ madwarna.
Ejjew inkunu pożittivi. Ejjew inħaddnu l-kultura favur il-ħajja u nwarrbu u narmu l-kultura tal-mewt. Ejja mmexxu ’l quddiem kultura li tipproteġi l-ħarsien ta’ kull ħajja umana – mit-tnissil sal-mewt – aktar u aktar meta qed nitkellmu fuq ħlejjaq vulnerabbli jew żvantaġġati. Ejja naħdmu biex f’pajjiżna, id-dritt għall-ħajja jkun dejjem rispettat, f’kull ċirkustanza.