Għadha ma nstabitx biżżejjed evidenza biex Neville Gafa, li qed ikun allegat li rċieva madwar 150,000 ewro fix-xahar minn ħruġ ta’ visas mediċi, jitressaq quddiem il-Qorti għax ma jirriżultax li kien involut f’xi aġir kriminali.
Din kienet it-tweġiba tal-Korp tal-Pulizija għal mistoqsijiet mibgħuta mill-ġurnal The Times wara l-allegazzjonijiet li oriġinaw minn ‘whistleblower’ Libjan. Il-ġurnal staqsa f’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet, bil-Korp iwieġeb li dawn ingħalqu fil-jiem li għaddew, fejn kien deċiż li ma jittieħdu l-ebda passi fil-konfront ta’ Gafa.
Minkejja dak żvelat mill-‘whistleblower’, Neville Gafa għadu involut fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jieħu ħsieb il-visas tal-pazjenti Libjani li qed jiġu għall-kura.
Fil-fatt, avviż li ngħadda lill-Infermiera abbord l-Ambulanzi jgħid li Gafa għandu jiġi kkuntattjat 24 siegħa kuljum f’kull każ ta’ pazjent Libjan li jkollu jiġi trasferit lejn Mater Dei jew fi kwalunkwe każ ieħor meta l-Ambulanzi jissejħu biex jassistu xi pazjent Libjan mill-Ajruport Internazzjonali.
Dwar dan, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qal li sakemm titlesta l-investigazzjoni, Gafa twaqqqaf milli jaħdem fuq dan is-settur. Dan minkejja li, The Times irrapporta li waqt li kien qed jiġi investigat, hu kien għadu qed jikkordina kwistjonijiet mediċi tal-Libjani f’pajjiżna.
Il-ġurnal ikkwota każ li seħħ f’Lulju li għadda dwar pazjent li ttieħed direttament lejn il-Burns Unit tal-Isptar Mater Dei mill-Ajruport wara li sofra xi ħruq f’wiċċu … u dan grazzi għal intervent ikkordinat minn Neville Gafa.
Minkejja l-investigazzjonijiet wara l-allegazzjonijiet ta’ Khaled Ben Nassan f’ittra lill-Ministru Konrad Mizzi, Neville Gafa lanqas biss intalab jirriżenja mill-kariga li għandu fil-Kunsill Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
//= $special ?>