Il-qawwiet tat-Turkija bbumbardjaw miri tal-ISIS f’Jarablus, lejn it-Tramuntana tas-Sirja, meta ribelli Sirjani man-naħa l-oħra tal-fruntiera kienu qegħdin iħejju offensiva qalila kontra l-istess terroristi tal-ISIS.
Sa dak il-ħin, madwar 1,500 ribelli Sirjani, appoġġjati mit-Turkija, kienu laħqu nġabru fil-belt Torka ta’ Gaziantep, fost l-istennija għall-offensiva intiża għat-tkeċċija tal-ISIS minn Jarablus. Jingħad li r-ribelli qed jiġġieldu taħt il-bandiera tal-Armata Sirjana Ħielsa.
L-artillerija Torka sparat numru ta’ balal għal fuq il-pożizzjonijiet tal-ISIS f’Jarablus wara li żewġ balal tal-mortars sparati min-naħa l-oħra tal-fruntiera kienu niżlu fil-belt Torka ta’ Karkamis fejn ma weġġa ħadd.
Il-qawwiet tal-Gvern tal-President Sirjan Bashar al Assad mhumiex direttament involuti fil-battalja għall-fruntiera fl-inħawi ta’ Jarablus, meta dawn tilfu ammont kbir ta’ territorju, fit-Tramuntana tas-Sirja, wara ‘il fuq minn ħames snin ta’ gwerra ċivili.
L-ISIS issemma b’konnessjoni mal-attakk terroristiku kontra n-nies li kienu qed jiddevertu, fi tmiem il-ġimgħa, waqt tieġ fil-belt Torka ta’ Gaziantep u fejn mietu għexieren ta’ nies fi splużjoni ta’ bomba. Intant, għad iridu jkunu żvelati l-identità u l-iskop tal-aggressur suwiċida responsabbli f’dan il-każ, meta l-Prim Ministru Tork, Benali Yildirim, sostna li l-investigaturi ‘għad mgħandhom xejn konkret’.
Osservaturi qalu, intant, li t-terroriżmu seta’ kien xprunat minn rapporti dwar l-offensiva imminenti tar-ribelli Sirjani fuq l-ISIS, bit-Turkija, fl-aħħar sigħat, tibbumbardja wkoll lill-qawwiet Sirjani Kurdi fil-belt ta’ Manbij, man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan meta l-istess gwerillieri Kurdi kienu qegħdin javvanzaw fuq iz-zoni kkontrollati mill-ISIS.
Sadanittant, l-osservaturi jemmnu li l-attakki bil-bombi fit-Turkija jistgħu jintensifikaw aktar ma dan il-pajjiż jinvolvi ruħu fil-gwerra tas-Sirja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlut Cavusoglu, semma l-ħtieġa li l-ISIS ikunu ‘kompletament eliminati’ miz-zoni Sirjani tat-Tramuntana li jmissu mal-fruntiera tat-Turkija.
Il-qawwiet Torok ilhom mit-Tnejn jisparaw lejn il-pożizzjonijiet tal-ISIS fiz-zona ta’ Jarablus. Madankollu, it-Turkija hi anki attenta għall-inizjattivi li jistgħu jsaħħu lill-qawwiet Sirjani Kurdi li tqishom bħala ‘estensjoni’ tal-grupp PKK tal-Kurdi militanti li ilu jiġġieled għal awtonomija mis-snin tmenin.
//= $special ?>