Lokali

Regolamenti “vagi” – Il-Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti tinnota b’dispjaċir li numru ta’ punti li tqajjmu mill-istess Kamra waqt iż-żmien ta’ konsultazzjoni ma kienux trattati fl-Avviż Legali dwar regolarizzazzjoni ta’ żvilupp eżistenti.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali, il-Kamra tal-Periti qalet li l-Avviż Legali fih numru ta’ regolamenti vagi li jagħtu l-impressjoni li kwalunkwe illegalita’ tista’ tiġi regolarizzata. Ma hemm ebda distinzjoni bejn irregolaritajiet ta’ natura minuri u llegalitajiet ta’ natura ferm iktar gravi.

Il-Kamra tal-Periti esprimiet it-tħassib tagħha li dawn ir-regolamenti se jiftħu bibien għal tbajja indelibbli fuq l-ambjent urban, u li ser iservu biex jinkoraġġixxu attitudni laissez-faire minn ċertu żviluppaturi peress li qed jipprovdi mekkaniżmu biex dak li hu llegali isir legali.

Jidher ukoll li l-awtoritajiet m’għandhomx ħsieb li ssir konsultazzjoni pubblika fuq applikazzjonijiet individwali u lanqas ma’ awtoritajiet varji bhas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’.

Il-Kamra tal-Periti nnotat ukoll li għalkemm intqal li deċiżjonijiet dwar dawn l-applikazzjoni se jsiru waqt laqgħa pubblika tal-Bord tal-Ippjanar, dan il-provvediment mhux speċifikat fl-Avviż Legali.
Il-Kamra tal-Periti qalet li għalkemm propjeta’ ODZ hi eskluża minn din l-iskema, l-istess ma jistax jingħad għal bini li hu f’żona ta’ konservazzjoni urbana u għal bini skedat.

L-istqarrija ttemm tgħid li jekk applikazzjoni għal regolarizzazzjoni tiġi rifjutata, l-applikant jirċievi lura persentaġġ tal-ħlas tal-applikazzjoni iżda jidher li l-Avviż Legali ma jpoġġi ebda obbligu fuq l-Awtorita’ biex toħroġ avviż ta’ nfurzar jew tesiġi li l-illegalita’ titneħħa.