Uffiċjali tal-Guardia di Finanza ta’ Busto Arsizio u Compagnia di Gaggiolo fl-Italja ssekwestraw il-propjetà ta’ żewġ operaturi fis-settur tal-online gaming irreġistrati taħt kumpanija f’pajjiżna.
Jirriżulta li l-kumpaniji, mingħajr il-liċenzji mitluba fl-Italja, kienu qed jaċċettaw betting taħt il-kappa operattiva tas-soċjetà Maltija, li ma ssemmietx b’isimha fuq is-siti tal-aħbarijiet Taljani li rrapurtaw il-każ.
Madankollu, ingħad biss li l-bookie li kien qed jaċċetta l-bets onlajn hu persuna b’Ċittadinanza doppja, jiġifieri b’Passaport Malti u Britanniku, kif ukoll li kienet diġa magħrufa bħala abbużiva.
Hu nqabad wara li rejd fl-uffiċċji tal-kumpaniji żvelaw materjal li kellu l-logo tal-bookmaker, b’riklamar ta’ attivitajiet sportivi li wieħed seta’ jilgħab il-flus fuqhom.
Ġew rilevati wkoll numru ta’ monitors u settijiet tat-televiżjoni li kienu jintużaw biex il-lagħaba jsegwu l-attivitajiet sportivi u r-riżultati tagħhom ħalli jkunu jistgħu jilagħbu.
Il-Pulizija ssekwestrat ukoll kompjuters li kienu jintużaw biex jiġu rreġistrati l-bets, kif ukoll printers għall-irċevuti tal-flus milgħuba.
//= $special ?>