Meta f’dawn il-ġimgħat u xhur ngħixu u ngawdu l-festi fl-irħula u l-bliet tagħna, mhux dejjem nifhmu u napprezzaw il-ħemel xogħol u tbatija u sagrifiċċji li hemm wara kull waħda minn dawn il-festi li huma parti essenzjali mill-identità u kultura tagħna l-Maltin.
Kemm kliem assoċjati ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li wara kull waħda hemm tant sigħat ta’ xogħol u spejjeż, ħidma frott imħabba u fidi u kultura. It-tużell, bukketti tal-ganutell, damask, ventartali, bankun tal-vara, il-vara tat-titular, bradella u l-injam interzjat. Fustuni, liedna, u pilandri. Transulazzjoni, kwindiċina u Tridu.
Planċieri, pavaljuni, bandalori, u standardi. Biex ma nsemmux il-kliem assoċjat mal-ħemel varjetà ta’ logħob ta’ nar u l-elementi tiegħu. Illum morna ferm ’l hinn minn dak li nsibu fl-ewwel kitba dokumentata dwar ħruq tan-nar fil-festi tagħna u ċioè fl-1728 għall-festa ta’ Sant’Elena ta’ Birkirkara fejn fir-rendikont finanzjarju jissemmew l-ispejjeż għall-porvli biex isiru l-isparaturi.
Wara kull waħda minn dawn il-kliem hemm snin kbar ta’ storja, xi kultant anke sekli ta’ storja. Jekk tara kif żviluppaw il-vari matul l-aħħar tliet sekli f’Malta ssib ħafna bidliet. Fis-seklu sbatax il-vari ma kinux biss statwi. L-ewwel vari ma kinux tal-injam. Dan ġara lejn is-seklu tmintax biex wara bdew deħlin il-vari, l-istatwi tal-plastik jew kartapesta. Ovvjament il-vari tal-kartapesta kienu orħos u eħfef biex jinġarru.
Pika u kompeetizzjoni
Kemm eluf ta’ voluntiera jieħdu l-leave mix-xogħol biex jarmaw il-knisja, jew il-każin jew it-toroq tar-raħal.
Il-festi jafu jġibu l-pika u l-kompetizzjoni, li sakemm ma tkunx esaġerata u bla sens, mhix ħażina fiha nnifisha għax toħroġ l-aħjar tat-talenti ta’ dak li jkun. Wieħed mill-aspetti sbieħ tal-ħidma tal-poltiċi hi li nżuru u nkunu mistiedna għal ħafna festi, forsi għal uħud anke għaxra jew ħdax-il festa fi staġun wieħed jekk jikkontesta distretti bi tradizzjoni ta’ festi, u naraw, kważi kull sena, kemm ikun sar xogħol biex itejbu fuq ta’ qabel.
Donnu qatt mhu biżżejjed u dejjem hemm x’tirranġa jew iżżid. Il-famużi “sorpriżi” ma jonqsux f’ċerti rħula kull sena, speċjalment fil-jum tal-Ħadd tal-festa.
Iva, il-festi jġibu firda xi minn daqqiet, u dan ħażin u dejjem irridu nikkumbattuh. Però, kemm festi jġibu għaqda ftit li xejn jingħad. Jekk nieħu dak li ġara f’pajjiżi Raħal Ġdid din is-sena, fejn kwistjoni li kienet ilha tberren u tbaqbaq u tifred għal snin, ġiet indirizzata bil-għaqal u bir-raġuni ta’ tant nies miż-żewġ każini tal-banda u mill-Kappillan u nies oħrajn minn wara l-kwinti, nara l-festa bħala sors ta’ ferħ u tgawdija sinċiera.
Kburin b’li għandna
Xahar ilu f’Raħal Ġdid ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Re f’atmosfera li konna ilna ma naraw u attendew għaliha ħafna iktar nies mis-soltu bil-bosta. Il-Pawlisti ħassejna ruħna, bir-raġun, kburin b’li għandna.
L-Istat irid jgħin iktar f’ċerti każi. Hemm każini tal-baned li se jispiċċaw barra mill-bini tagħhom, u li jinsabu fil-pjazza prinċipali tar-raħal jew belt, minħabba kwistjonijiet marbuta mal-liġi tal-kera. B’għaqal, b’sens ta’ ġustizzja ma’ kull min hu involut, bil-galbu u b’konsultazzjoni wiesgħa, nemmen li l-mannara li madwar 12-il każin għandhom fuq rashom u li se taqa’ fuqhom fil-futur qrib jekk il-Gvern ma jintervjeniex skont il-ġustizzja u bil-għaqal, tista’ tkun evitata.
Inkomplu ngawdu l-ftit festi li baqa’ sa tmiem l-istaġun. Però, ejja ma ninsewx dak kollu li jiġi qabel il-jum tal-festa biex inħarsuh għall-ġejjieni u biex il-festa tkun tassew sors u għajn ta’ ġid, għaqda u ferħ fil-komunitajiet tagħna.