BLOGS

Arvo Part: Okkażjoni unika

1. Nhar l-14 ta’ Lulju ta’ din s-sena filgħaxija kont preżenti fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Il-Malta International Arts Festival organizzaw kunċert mill-aqwa fejn ċ-ċentru tal-opri li ndaqqu kienu dawk tal-kompożitur uniku, l-Estoni Arvo Part. Ftit ħsibt li huma dawk li kienu jafu bl-opri tiegħu. Awtur ta’ varjetà kbira ta’ biċċiet klassiċi u interessantement f’dan is-seklu sagri.
2. Niftakar li kien il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Estonja Rein Lang li f’konversazzjoni miegħu waqt li kien f’pajjiżna li semmih b’tifħir u li ħajjarni nibda nsegwih. Interessanti iktar għalija li dan sar proprju waqt li konna fl-istess Konkatidral. Ħajjet Arvo Part hi mimlija b’passi li jiġbduk. Imwieled fil-11 ta’ Settembru 1935 proprju f’pajjiż maħkum mill-Unjoni Sovjetika Komunista. Imrobbi minn ommu f’ambjent Nisrani. Terġa’ minn Luteran kkonverta għall-Ortodissija Russa.
3. Beda l-karriera bħala student fl-iskola tal-mużika f’Tallinn il-kapitali tal-Estonja u ftit wara għamel żmien ukoll idoqq bħala bandist fil-banda tal-armata. Biss il-karriera tiegħu ma waqfitx hemm. Baqa’ jiżviluppa u jistudja. Illum hu mogħti l-ġieħ li ħoloq teknika differenti permezz tal-kompożizzjoni mużikali tiegħu minimalista magħrufa aħjar bħala “tintinnabuli”. Sempliċiment qanpiena f’bażilika ta’ knisja Kattolika Rumana. Kompożizzjonijiet li ħadu l-ħajja f’biċċiet bħal “Fur Alina” u “Spiegel im Spiegel” u nfirxu f’diversi oħra li fl-14 ta’ Lulju ndaqqu b’esekuzzjoni mill-iktar eċċellenti mill-Orkestra Filarmonika ta’ pajjiżna taħt id-direzzjoni tal-magħruf Michael Laus.
4. Il-biċċiet li ndaqqu kienu Magnificat, Cantus in Memoriam Benjamin Britten, Festina Lente, Fratres u l-hekk msejħa Greater Antiphons. L-atmosfera kienet maġika. Il-Konkatidral għandu akustika unika u l-mużika ta’ Part, li mhix waħda ‘storbjuża’, ħarġet verament tajjeb. L-okkażjoni kienet iktar unika għax l-istess Arvo kien preżenti fost l-udjenza. Mhux fl-ewwel fillieri, iżda iktar lejn in-nofs jisma’ u josserva kemm din l-mużika Ewropea, komposta minn qalb imrobbija fil-kesħa tal-Baltiku, kellha taqbel perfettament f’din il-gżira fil-Mediterran.
5. Hemm diversi kitbiet fl-istudji moderni ta’ x’inhuma l-elementi essenzjali biex okkażjonijiet ta’ kultura jkollhom suċċess fid-dinja tal-lum. Qrajt numru ta’ artikli u kotba li jsemmu dan. Ħafna jidħlu f’dettalji żejda. Biss finalment hemm bilanċ bejn dak li jkun se jiġi esegwit u qalb u moħħ il-bniedem.
6. Il-kultura għandha wkoll id-don li tkabbar u tmexxi ’l quddiem d-dinjità umana. Għax il-bniedem ma jgħix bil-politika biss. Anzi kif, jekk tippermettuli, Ġwanni Pawlu II kien qal ferm aħjar: “L’uomo vive una vita autenticamente umana grazie alla cultura. La cultura è un modo specifico dell’‘esistere’ e dell’‘essere’ dell’uomo. La cultura è il mezzo per cui l’uomo diventa più uomo.”
7. L-elementi f’din l-okkażjoni kienu kollha f’posthom għal dan. Il-post kien mimli daqs bajda. Kull min ġie baqa’ jisma’ sal-aħħar igawdi u jħossu msaħħaħ hu u sejjer lura f’daru. Dan iktar u iktar meta fl-aħħar nett tas-serata l-istess Arvo Part qam u mar jifraħ bl-orkestra.
8. Waqt li ħafna ħasbu li kien se jitkellem, minflok kulma għamel hu li xejjer idejh fis-silenzju jindika s-sbuħija tal-post fejn il-mużika kienet qed tigi esegwita. Kienet biżżejjed il-mużika tiegħu, kienet tkellmet waħedha. L-okkażjoni kienet verament unika.