BLOGS

‘Back to School’ b’differenza

Irridu nkunu għaqlin biżżejjed biex nużaw il-vantaġġ teknoloġiku aktar biex innaqqsu l-piżijiet fil-basktijiet illum qabel għada. Hi ħasra ta’ vera li l-proġett pilota tal-one tablet per child għadu fl-infanzja tiegħu, għalkemm qatt m’għandna nabolixxu għalkollox il-ktieb tradizzjonali.

Il-famuża frażi ‘Back to School’ tista’ tgħid waslet biex taqbad tiddomina fil-vetrini u r-reklamar hekk kif issa għaddiet Santa Marija u wasalna biex bil-mod il-mod nilqgħu ’l Settembru.
Minn sena skolastika għal oħra, id-dinja bħal tinbidel, u dak li kien fuq fomm kulħadd Settembru li għadda, illum mhux talli ntesa, imma talli ġie espost iżżejjed u mwarrab minn attrazzjoni ġdida. Minkejja kollox, il-basket tal-iskola hu l-qofol tal-esperjenza kollha, speċjalment fit-tfal iż-żgħar.
Sfortunatament, għal snin twal, bqajna qatt ma tajna kas tal-importanza biex ikollna basktijiet adegwati għal uliedna b’piż li ma jkunx qed jikkaġuna ħsara lil saħħet uliedna. U mhux l-ewwel darba li ddiskutejna ta’ min hi r-responsabbiltà: tat-tfal, tal-għalliema jew tal-ġenituri? Tweġiba tajba m’hemmx, għax fis-sewwa, ir-responsabbiltà hi ta’ kulħadd. Tul din l-opinjoni, se nagħti ftit suġġerimenti ta’ kif il-ġenituri u l-ulied jistgħu jilqgħu għall-problema li ta’ kull sena terġa’ tixref mingħajr qatt ma tingħeleb billi nanalizzaw tliet aspetti: it-tip ta’ basket, kif jitgħabba, u kif jintrefa’.

It-tip tal-basket:
Lil hinn mid-disinn u tlellix ieħor, il-basket għandu funzjoni u tajjeb li l-ġenituri jaħsbu f’hekk qabel jagħżlu l-wieħed ideali għal uliedhom:
● Hu rakkomandat li l-basket ikun tat-tip ‘back pack’ li jintlibes fuq l-ispallejn (it-tnejn li huma) u mhux shoulder bag li jitfa’ l-piż kollu fuq naħa waħda.
● Il-basket għandu jkollu spazju biżżejjed biex jiflaħ il-massimu ta’ 10% sa 12% tal-piż ta’ min se jużah.
● Iċ-ċineg tal-ispallejn għandhom ikunu rotob biex ma jagħfsux fuq l-ispallejn infushom.
● Il-basket m’għandu qatt jinżel ’l isfel aktar minn 4 pulzieri mill-qadd.
● Basktijiet li għandhom frejm bir-roti li huma ta’ benefiċċju għall-mixi fit-tul, jaf ma jkunux addatti għall-ambjent skolastika tagħna, fejn fil-maġġornaza hemm it-turġien u allura t-tfal jispiċċaw iqandlu basktijiet li huma itqal min-normal.

Kif jitgħabba l-basket:

Għalkemm ħafna jaħsbu li l-mod ta’ kif tgħabbi l-basket ma jaffettwax il-ġisem, dan mhuwiex minnu. Fil-fatt, tajjeb li wieħed isegwi ftit passi rakkomandati u li jistgħu jagħmlu d-differenza biex il-basket mgħobbi ma jkunx qed jagħmel strapazz żejjed fuq l-ispina tad-dahar.
● Il-materjal it-tqil għandu jiġi mqiegħed fuq wara nett tal-basket biex il-basket jinġibed aktar lejn id-dahar u mhux il-kontra.
● Issir timetable eżatta li fiha t-tfal jieħdu biss il-ħwejjeġ li għandhom bżonn tul il-jum.
● Jinxtara l-materjal li ma jżidx fil-piż, bħal soft files minflok il-files tradizzjonali filwaqt li niżguraw li t-tfal ma jkollhomx pencil cases li huma mgħobbija żżejjed.

Kif jintrefa’
It-tfal mhumiex konxji mill-ħsara li l-basket tal-iskola jista’ jikkawżalhom. Għaldaqstant, hu mistenni minna l-adulti li ngħarrfuhom b’dan kollu biex ma npoġġuhomx f’riskju li jiżviluppaw diffikultajiet ta’ saħħa.
● It-tfal għandhom jerfgħu l-basket fuq iż-żewġ spallejn u qatt fuq spalla waħda biex ikun hemm distribuzzjoni ekwa tal-piż kollu.
● Jekk hu possibbli, jinqafel b’ċineġ orizzontali li jdawru l-qadd biex jissikka l-piż.
● Mhuwiex rakkomandat li t-tfal jitbandlu ’l quddiem jew lura bit-toqol tal-basket waqt li jkunu qed jimxu.
● M’għandhomx jistennew għall-karozza tal-linja jew waqt l-assembly bil-basket fuq daharhom.

Għalkemm illum mixjin ’il quddiem sewwa fit-teknoloġija fl-edukazzjoni, jibqa’ l-fatt li għadna lura. Irridu naqbdu naħsbu bis-serjetà biex verament nindirizzaw il-problemi li jikkawża l-ĦW eċċessiv, li skont studji diversi, it-tfal jibbenefikaw ftit li xejn minnu. Jekk nindirizzaw din il-problema, allura nkunu qed innaqqsu l-iskariġġ tal-kotba mid-dar għall-iskola u l-kontra.
Irridu nkunu għaqlin biżżejjed biex nużaw il-vantaġġ teknoloġiku aktar biex innaqqsu l-piżijiet fil-basktijiet illum qabel għada. Hi ħasra ta’ vera li l-proġett pilota tal-one tablet per child għadu fl-infanzja tiegħu, għalkemm qatt m’għandna nabolixxu għalkollox il-ktieb tradizzjonali.