Għawdex Lokali

Gvern li ttarrax u li jinjora s-sigurtà tan-nies

Il-mod kif il-Gvern baqa’ għaddej bil-pjani tiegħu li jpoġġi tank b’eluf ta’ litri ta’ gass f’żona residenzjali u ħdejn Dar tal-Anzjani fir-Rabat Għawdex hu konferma ta’ kemm il-Gvern ta’ Muscat mhux talli ma jismax, iżda talli ttarrax u qed jinjora s-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi. L-istess kif qed jagħmel bit-tanker tal-gass f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Frederick Azzopardi wara li l-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat pjanijiet biex tank kontroversjali tal-gass jitpoġġa qrib iċ-Ċittadella. Dan minkejja għat-tħassib espress mir-residenti għat-tanker, li se jkun midfun b’volum ta’ 3,000 litru.

It-tanker mistenni jintuża’ biex jipprovdi l-gass għall-fjammi fuq il-monument tal-vittmi tal-gwerra, li jinsab fir-Rabat. Iżda fost l-oġġezzjonijiet li tressqu fil-laqgħa tal-bieraħ filgħodu, kien hemm ħafna li nnutaw kif ma kinitx osservata d-distanza meħtieġa bejn il-post magħżul u l-ħitan taċ-Ċittadella.

Il-Partit Nazzjonalista qal li kif spjegat mill-ġurnal The Malta Independent, il-Gvern injora totalment l-oġġezzjonijiet tar-residenti, tant li ta l-permess biex it-tank jitpoġġa fejn irid il-Gvern u saħansitra jiġi maħżun fih il-gass.

Filwaqt li esprima l-qbil li jsir monument li jfakkar l-Assedju ta’ Għawdex, il-Partit Nazzjonalista qal li dan ma jfissirx li għandu jinħoloq periklu għar-residenti u għall-anzjani, sempliċiment biex ikun hemm fjamma tixgħel quddiem il-monument.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Gvern qed juri li jiġi jaqa’ u jqum mis-sigurtà tan-nies, tant li minkejja l-appell u l-insistenza tar-residenti, se jibqa’ għaddej bħal gaffa minn fuq kulħadd, temmet tgħid l-istqarrija.