Futbol Sport

Jitlesta l-wiċċ il-ġdid tal-pitch fl-Istadium Nazzjonali

L-istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fl-aħħar għandu pitch li jista’ jiftaħar bih hekk kif illum b’mod uffiċjali l-proġett għadda lura f’idejn l-MFA wara li mit-30 ta’ Mejju l-grawnd kien għadda f’idejn SIS Group, il-kumpanija li ħadet ħsieb il-proġett tal-wiċċ il-ġdid tal-pitch f’Ta’ Qali.

Il-proġett sewa lill-MFA madwar €1.5 miljun, proġett li kkonsista fil-bidla totali tal-art li fih intlagħbu eluf ta’ partiti tal-futbol lokali. Jekk min hu inkarigat mill-pitch jieħu ħsieb b’manutenzjoni regolari, għandu jservi b’mod tajjeb bejn 20 u 25 sena.

L-ewwel darba li l-pitch se jintuża b’mod uffiċjali se tkun fl-4 ta’ Settembru meta t-tim nazzjonali Malti se jilgħab kontra l-Iskozja, logħba valida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, fejn ġurnata qabel, iż-żewġ timijiet se jkollhom l-opportunità li jitħarġu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo qal li wara aktar minn 35 sena ġiet installata sistema hybrid ta’ pitch ġdid. Hu rringrazzja lil SIS Group, kumpanija li ħadmet fuq pitches kbar bħal Luzhniki Stadium li fiha se tintlagħab il-finali tat-Tazza tad-Dinja li jmiss.

Vassallo qal li l-MFA fl-aħħar snin nefqet aktar minn €20 miljun f’infrastruttura għall-klabbs u tenna li l-assoċjazzjoni se tkompli ttejjeb il-faċilitajiet. Vassallo qal li wara dan l-investiment, l-MFA se tkun qed tħares aktar fl-infrastruttura tagħha fejn s’issa ġew konklużi żewġ proġetti; dak tal-pitch kif ukoll is-sistema l-ġdida ta’ dawl fit-training grounds.

Bjorn Vassallo sostna li b’dan il-proġett, l-MFA qegħda tibni bażi solida għal futur għaliex il-pitch il-ġdid se jservi kemm bħala titjib tal-prestazzjoni kif ukoll viżjoni estetika aħjar.

Il-Kap tal-proġetti infrastrutturali tal-MFA Manuel Cassar qal li l-maintenance tal-pitch se jkunu qed jieħdu ħsiebu l-kumpanija lokali IMGC, l-istess kumpanija li tieħu ħsieb il-ħaxix tal-Golf fil-Marsa.

Min-naħa l-oħra, id-Direttur tal-Proġetti tal-kumpanija Carlos Reis li ħa ħsieb il-proġett tal-pitch ta’ Ta’ Qali, ta dettalji dwar il-proġett fejn qal li 10% tal-volum li tpoġġa hu dak li jissejjaħ peat u f’każ ta’ maltemp, il-pitch se jkun qed jinxef aktar malajr fejn ġie installat sistema sħiħa ta’ irrigazzjoni b’total 35 sprinkl

Reis qal li huma se jibqgħu f’Malta sakemm tintlagħab l-ewwel logħba biex jassiguraw ruħhom li kollox mar sew. Hu sostna li l-akbar sfida li kellhom kienet il-fatt li sabu sodda ratba ħafna tal-pitch fejn kellhom jinżlu madwar metru taħt l-art minflok l-40 ċentimetru li kien skedat.

Il-proġett kabbar ukoll il-kobor tal-pitch fejn issa se jkollu tul ta’ 105 metru b’68 metru wisa flok il-102 metri ta’ tul li kellu qabel. Il-ħaxix se jibda jinqata’ b’20 metru fejn biex wieħed iqabbel fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew il-ħaxix kien ikun bejn 23 u 26 mm.

Wara dan il-proġett, u minbarra l-proġetti fir-Russja, fil-futur qarib SIS Group għandhom proġetti fil-grawnds ta’ 1860 Munich, f’Settembru se jibdew il-proġett fil-grawnd ta’ Fulham kif ukoll St. George’s Park li hu l-grawnd ta’ preparazzjoni għat-timijiet kollha tat-tim nazzjonali Ingliż.