Lokali

Malta bla dawl wara li nar f’mina jeqred numru ta’ cables

Wieħed mill-cables tal-interconnector fost dawk meqruda min-nar

Aġġornata

Nar li żviluppa f’mina li minnha jgħaddu cables tal-elettriku, wassal biex għal ħin twil, diversi partijiet f’Malta spiċċaw mingħajr dawl.

Il-qtugħ tad-dawl kien rappurtat f’Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan, is-Swieqi, Pembroke, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, is-Swatar, il-Qrendi u ż-Żurrieq, fost lokalitajiet oħra. Kien rappurtat qtugħ ta’ dawl ukoll fil-Freeport u Smart City.

Kien għal ħabta tal-10.30 ta’ filgħodu meta uffiċjali tal-Enemalta ndunaw bil-qtugħ tad-dawl f’ċertu nħawi. Aktar tard sar magħruf li żviluppa nar fil-mina tad-distribuzzjoni tal-elettriku li hemm bejn l-Imsida u l-Kappara.

Minnufih marru uffiċjali tal-Enemalta kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili fid-daħla tal-mina fil-Kappara, fejn f’distanza ta’ madwar 450 kilometru ‘il ġewwa fil-mina, indunaw bid-dħaħen kbar.

Fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Kappara inġabru wkoll membri tal-media. Mar ukoll il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Fredrick Azzopardi.

Għalkemm għad mhux magħruf x’wassal għan-nar f’din il-mina, il-ħsara li ħalliet kienet estensiva. B’kollox inqerdu erba’ cables – fosthom wieħed tal-Interconnector.

Iċ-Chairman tal-Enemalta Frederick Azzopardi spjega lill-media li l-interconnector kellu jintefa’ biex il-ħaddiema setgħu jaħdmu biex jistabilixxu x’ġara).

Peress li kellu jintefa l-interconnector, kellhom jinxtgħelu xi magni fil-powerstation tal-Marsa kif ukoll il-magni kollha tal-powerstation ta’ Dellimara. Madanakollu, xorta waħda kien hemm inħawi f’Malta li tħallew bla dawl, kemm bħala prekawzzjoni ta’ sigurtà għall-ħaddiema kif ukoll peress li l-pajjiż ma kellux saħħa biex jiġġenera biżżejjed elettriku mingħajr l-interconnector.

Wara xi ħin, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili kkontrollaw in-nirien u minnufih bdiet ħidma mill-Enemalta biex jerġa’ jinxtgħel l-interconnector, peress li żewġ cables minn sett ta’ tlieta ma ntlaqtux min-nar li żviluppa fil-mina. Sa’ tard waranofsinhar kien fadal biss il-lokalità ta’ Pembroke mingħajr dawl, fosthom l-impjant tar-reverse osmosis.

Intant, b’kawża tal-qtugħ tal-elettriku, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma avżat li jista’ jkun hemm pressa tal-ilma baxxa jew sospensjoni totali tal-provvista tal-ilma fil-Gżira, f’Tas-Sliema, San Ġwann u ż-żoni tal-madwar.

konrad mizzi 1