“Aħna meta nħarsu quddiemna mhux Nazzjonalisti jew Laburisti naraw. Aħna naraw ħutna Maltin”. Hekk kien saħaq Joseph Muscat fi Frar 2013 meta ppreżenta lil delegati tal-Partit Laburista l-manifest elettorali li l-partit immexxi minnu kien se jressaq għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013.
Manifest elettorali bit-tema ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ fejn il-wegħda lill-elettorat kienet li min ma jaqbilx ma’ l-hekk imsejjaħ moviment seta’ xorta jaħdem ma’ Gvern Laburista.
Għalkemm dak li ġara f’pajjiżna tul dawn l-aħħar tliet snin ftit jista’ jħalli dubju ta’ kemm kienet farsa l-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’, dak li ġara din il-ġimgħa għandu jservi biex titneħħa kull ombra ta’ dubju li l-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ mietet f’dik is-sekonda li fil-counting hall lura f’Marzu 2013 ħarġet l-aħbar tar-rebħa Laburista.
Il-PBS b’deċiżjonijiet kontroversjali
F’temp ta’ ġimgħa l-istazzjon nazzjonali, TVM, kien il-protagonista ta’ żewġ deċiżjonijiet kontroversjali. Fost il-programmi ta’ attwalità li kienu jixxandru fuq TVM, kien hemm il-programm Times Talk li kien imtellgħa mill-gazzetta The Times of Malta. Kien programm li spiss kien ikollu diskussjoni vivaċi ħafna dwar l-aktar temi topiċi tal-mument. Fejn kellu jkun iebes mal-Gvern Laburista kien ikun iebes mal-Gvern Laburista, bħalma fejn ħass li kellu jkun iebes mal-Partit Nazzjonalista għamel dak li f’demokrazija moderna għandu kull dritt jekk mhux anke dmir li jagħmel, u kien iebes mal-Partit Nazzjonalista.
Programm li ma ddejjaqx jistaqsi l-mistoqsijiet u jitfa’ persuni ċentrali fil-Gvern Laburista in the hot seat fejn kellhom jiffaċċjaw il-kritika tal-mistiedna l-oħra. Kien fost l-aktar programmi popolari ta’ diskussjoni fuq TVM u bir-raġun għaliex dejjem mexa b’bilanċ u ma ħarisx lejn uċuħ politiċi.
Minkejja l-popolarità ċara ta’ dan il-programm, it-tmexxija tal-PBS iddeċidiet li tneħħi dan il-programm. Fl-istess ħin il-programmi l-oħrajn ta’ diskussjoni jidher li f’xi format jew ieħor, taħt isem jew ieħor, kollha se jżommu posthom. Deċiżjoni li bla dubju ta’ xejn tqanqal bosta mistoqsijiet dwar għaliex minn tant programmi, kien il-programm ta’ The Times li spiċċa b’għonqu taħt il-mannara.
Programm kulturali spiċċa wkoll
taħt il-mannara
Bħallikieku dawn id-dubji ma kinux biżżejjed, l-istess TVM tefa’ taħt il-mannara programm ieħor ferm popolari u segwit mit-telespettaturi ta’ TVM, il-programm ‘Madwarna’ mtellgħa mill-preżentatur Salvu Mallia.
Kull min jaf lil Mallia jaf li dan ħajta f’ilsienu m’għandux, tant li fl-aħħar xhur Mallia kien f’nofs kontroversja bi kliem kritiku ħafna tal-Gvern Laburista u anke b’punti ta’ kritika dwar il-Partit Nazzjonalista. Mallia ma tantx qagħad idur mal-lewża li hu kien wieħed minn dawk li vvutaw Labour f’Marzu 2013 u li kien jiddispjaċih li għamel dak il-pass.
Għal raġuni li s’issa għadha misterjuża, fl-iskeda l-ġdida ta’ TVM dan il-kritiku tal-Gvern Laburista tilef postu; anke jekk il-programm tiegħu kien wieħed kulturali u mhux politiku u għalhekk ftit kien hemm ħtieġa ta’ xi preżentatur sinonimu mal-bilanċ politiku.
Dak li ġara din il-ġimgħa fil-PBS ikompli mat-trend ta’ dawn l-aħħar tliet snin fejn jidħol il-bilanċ politiku fuq l-aħbarijiet ta’ TVM kemm dawk televiżivi kif ukoll dawk tal-portal tax-xandir nazzjonali.
Hi ħasra li fis-sena 2016 ix-xandir nazzjonali għadu jintuża bħala għodda partiġjana mill-partit fil-Gvern f’attentat biex jirbaħ il-punti minn fuq l-oppożizzjoni. Ħasra li fis-sena 2016 għadna ma stabbilixejnix sistema fejn ix-xandir nazzjonali jkun wieħed bilanċjat, ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern.