F’temp ta’ 24 siegħa kien hemm aktar minn 470 theżżiża tal-art fiċ-ċentru tal-Italja wara t-terremot ta’ 6.2 fuq l-Iskala Richter ta’ nhar l-Erbgħa bejn ir-reġjuni ta’ Lazio u Marche.
Dan hekk kif il-vittmi minn dan it-terremot ilbieraħ qabżu l-240 persuna. Imma Fabrizio Curcio, il-kap tal-Protezzjoni Ċivili, ma eskludiex li l-vittmi jaqbżu lil dawk ta’ seba’ snin ilu meta L’Aquila ntlaqtet minn terremot u tilfu ħajjithom 309 persuna.
L-agħar li ntlaqtu minn dan it-terremot huma l-bliet ta’ Amatrice, Accumoli u Pescara del Tronto b’din tal-aħħar ssofri ħsarat kbar tant li uffiċjali qalu li wieħed jista’ jgħid li l-belt kollha kienet munżell wieħed ta’ terrapien. L-istess għal Amatrice fejn il-ħaddiema tas-salvataġġ avżaw lil kulħadd biex jitlaq mill-belt peress li m’hemmx binja waħda li mhix ta’ periklu.
Ħafna minn dawn l-irħula u bliet żgħar huma popolari mat-Taljani għall-btajjel tas-Sajf.
Rigward Pescara del Tronto, uffiċjali qalu li aktarx dan ir-raħal qatt mhu se jerġa’ jinbena peress li l-ħerba kienet kbira wisq.