Kien fid-9 ta’ Jannar tas-sena 2013, meta l-Prim Ministru Joseph Muscat, fuq il-midja soċjali qal dawn il-preċiżi kelmiet: “Tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna” – kliem Joseph Muscat. Kien hemm nies kienu xettiċi, uħud qrawha darbtejn biex jaraw li fehmu sew, però ħafna emmnuh. Emmnuh tant li tliet xhur wara, tawh il-fiduċja tagħhom permezz tal-vot, u bi proċess demokratiku ngħata l-mandat biex imexxi pajjiżna għall-ħames snin ta’ wara.
Illum m’aħniex ħames snin wara imma biss tliet snin u nofs, però dik il-frażi għadha ttimbrata fil-memorja ta’ ħafna nies – kemm dawk xettiċi u kemm dawk li emmnu li dan il-Gvern se jħalli lil min jaħdem minkejja l-opinjoni politika. Illum, tliet snin wara huma ħafna dawk li qed iħossuhom ingannati u mqarrqa minn dak li llum hu l-Prim Ministru ta’ pajjiżna, għaliex b’din il-frażi ried biss jirbaħ il-fiduċja tal-poplu biex bil-vot tiegħu jingħata s-siġġu tal-poter. Ġaladarba poġġa fuq is-siġġu tal-poter, din il-frażi, u oħrajn, taru mar-riħ.
Ċensura pulita
F’dawn l-aħħar jiem, assistejna għal sfreġju demokratiku u aġir attroċi mill-pupazzi tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Dak li jissejjaħ ix-Xandir Nazzjonali, ħa daqqa ta’ ħarta fil-kredibbiltà tiegħu meta b’deċiżjonijiet, probabbli ddettati, twaqqfu żewġ programmi li kienu jiġbdu l-interess ta’ ħafna.
L-ewwel kien imiss lil ‘Times Talk’ – programm li jiffoka fuq ġrajjiet kurrenti, mingħajr aġenda għajr dik li jwassal il-mistoqsijiet li qed jistaqsu n-nies hemm barra, bit-tama li permezz tal-programm, il-poplu jingħata risposta. Programm li jħares lejn diversi suġġetti u li jpinġi s-sitwazzjoni kif inhi, iżomm realistiku u jinsisti għal kjarezza –biex il-poplu, kif inhu dritt tiegħu, ikun jaf verament x’qed jiġri madwaru. Għal xi raġuni dan tneħħa.
Ftit jiem wara, kien imiss il-programm popolari ta’ Salvu Mallia, ‘Madwarna’. Programm li joħroġ il-kultura, is-sbuħija u l-istorja ta’ pajjiżna – wirt li ħafna minnha saru jafu li jeżisti permezz ta’ dan il-programm. Kien programm li jiftaħar b’Malta u l-Maltin – li jpoġġi lill-pajjiżna fiċ-ċentru tiegħu u b’sens kultant umoristiku joħroġ il-karatteristiċi uniċi li għandna f’pajjiżna.
Iżda, Mallia, bħalma hu dritt tiegħu u ta’ kull ċittadin ieħor, ikkritika pubblikament il-pożizzjoni tal-Gvern fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers. Jidher li dan il-messaġġ ma tantx niżel tajjeb ma’ min jiddetta l-kundizzjonijiet għal ħafna awtoritajiet fosthom dik tax-xandir, u għalhekk, uża l-pupazzi tiegħu biex dan il-programm, jew aħjar il-preżentatur – għaliex insibha diffiċli li wieħed jiġġustifika jwaqqaf programm li joħroġ is-sabiħ ta’ pajjiżna minn fuq l-istazzjon nazzjonali – jitwaqqaf ukoll.
Tista ma taqbilx?
Dawn huma biss l-iktar riċenti. Aktar kmieni l-istess xorti misset lil ħafna nies fiċ-ċivil bi transfers u promozzjonijiet mogħtija lil tal-qalba minflok lil min jistħoqlu. Xorti li misset ukoll lil Norman Vella li wkoll kien jippreżenta programm segwit ħafna fuq l-istazzjon nazzjonali.
Snin ilu ħarġet diska li kienet tgħid li “konna u għadna ngħixu, f’pajjiż tal-Mickey Mouse, fejn ta’ fuq jiġbdu l-ispaga u aħna l-pupazzi nimmarċjaw”. Dak li kien ikanta din id-diska, illum hu l-Kap il-ġdid tal-PBS. Diska li l-kliem tagħha żgur qatt ma kienu jagħmlu sens daqs illum.
Tgħid jekk xi ħadd imur ikanta din id-diska fuq l-istazzjon nazzjonali llum, iħallih ikantaha jew ta’ fuq ‘jiġbdulu l-ispaga’ u jkollu jimmarċja?